Anzjani li se jiġu bżonn għajnuna legali, kemm ċivili u anke kriminali, issa se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn assistenza legali b’xejn.
Dan permezz tal-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru tal-Anzjanità Attiva u l-Ministeru għall-Ġustizzja fejn b’hekk se tkun qed titwettaq wegħda elettorali oħra.
Dan il-ftehim se jkun qed iservi ta’ għajnuna għal anzjani li jaf ikollhom problemi legali, fosthom abbuż finanzjarju, fejn permezz ta’ din l-għajnuna se jkunu jistgħu jiksbu għajnuna legali b’xejn.
Tkellimna mal-Fundatur tal-Għaqda Nanniet Malta, Philip Michael Chircop, fejn spjega dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim għall-anzjani li jkollhom bżonn assistenza legali.
“Nilqgħu bil-ferħ ħafna dan il-ftehim tanġibbli li m’għadux fuq il-karta iżda qed nattwawh fejn anke n-nanniet u l-anzjani li jkunu vittma, bħal pereżempju meta n-nanniet inġustament ma jitħallewx jaraw lin-neputijiet tagħhom. Dik hija vjolenza morali, fejn hemm anzjani li qed taffetwalhom is-saħħa mentali.”
Philip Michael Chircop
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, tenna l-importanza ta’ dan il-ftehim fejn spjega kif l-anzjani jistgħu jkunu vittmi u fosthom suġġetti għal inkwiet fil-familja. Kien għalhekk li bħala Gvern ġie deċiż li tiġi pprovduta għajnuna b’kull mezz biex l-anzjani jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom.
“Dan il-ftehim se jwassal fejn anzjani li jkollhom xi problemi legali, aħna qed nikkommettu ruħna li jkollna intiża mal-Ministeru tal-Ġustizzja, persuni bħal dawn jingħataw l-għajnuna legali neċessarji. L-aġenzija tal-assistenza legali, din is-sena biss, ġiet riferuti mijiet ta’ persuni fejn aħna issa rridu li l-anzjani jkollhom dik li nsejħulha fast-track.”
Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal kif dan il-ftehim hu xhieda ta’ kemm dan il-Gvern jemmen li kull faxxa tas-soċjetà għandu jkollha aċċess għall-ġustizzja.
“Dan il-ftehim qed nassiguraw l-għajnuna legali offruta mill-aġenzija għall-għajnuna legali f’pajjiżna, tiġi offruta b’mod aktar faċli lill-anzjani li għandhom bżonn assistenza legali kemm dak kwistjonijiet ċivili u anke kriminali.”
Ministru Jonathan Attard
Ġie spjegat kif permezz tal-Aġenzija tal-Assistenza Legali se tibda tirċievi talbiet għall-għajnuna fejn minn hemm kull każ jiġi kkordinat skont il-bżonn.
L-istess aġenzija se tikkordina li jsiru laqgħat onlajn mal-anzjani inkwistjoni biex b’hekk jitnaqqas kull skariġġ, filwaqt li anke tieħu ħsieb hi r-rikorsi u anke żżomm kuntatt dirett mal-anzjani biex iżżommhom infurmati.
Il-Ministru Attard spjega kif dan il-ftehim se jmur oltre minn hekk fejn se jsir eżerċizzju ta’ għarfien b’mod partikolari dwar id-drittijiet tal-anzjani bl-għan aħħari jkun li jingħata l-aħjar servizz possibbli.