Mewġa ta’ sħana qed taħkem partijiet tan-Nofsinhar tal-Ewropa u l-Majjistral tal-Afrika, b’temperaturi rekord fil-jiem li ġejjin.
It-temperaturi mistennija jaqbżu l-40°C f’partijiet ta’ Spanja, Franza, il-Greċja, il-Kroazja u t-Turkija.
Fl-Italja, it-temperaturi jistgħu jilħqu sa 48.8 °C. Infatti nħarġet twissija f’għaxart’ibliet, inklużi Firenze u Ruma. Is-sħana qed tħalli l-vittmi: il-midja Taljana qed tirrapporta li ħaddiem ta’ 44 sena kien qed jiżboħ l-linji taż-zebra crossing fil-belt ta’ Lodi, qrib Milan, meta ħassu ħażin minħabba s-sħana. Huwa ttieħed l-isptar fejn tilef ħajtu aktar tard.
Għalkemm mhux f’dawn il-livelli, f’pajjiżna s-sħana qed tinħass ukoll. Skont l-Uffiċju Metereoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fi tmiem il-ġimgħa se jkollna temperaturi ta’ 38 u 39 °C. Nhar it-Tlieta, t-temperatura se titla’ għal 38 grad u tinħass daqs li kieku hija 40 °C.
Ritratt: Sky news