Il-Kabinet tal-Ministri approva kumpens ta’ 3 miljun ewro lill-vittmi lokali tat-Thalidomide, il-mediċina li fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet wasslet biex eluf ta’ nisa tqal ikorru lit-trabi tagħhom jew inkella jwellduhom b’diżabiltajiet severi.
F’dawk iż-żminijiet il-mediċina Thalidomide kienet tiġi importata wkoll f’pajjiżna u preskritta lil nisa tqal, speċjalment għal kontra l-morning sickness. Trabi f’pajjiżna, li baqgħu ħajjin u llum ilaħħqu fl-etajiet tal-pensjoni, qatt ma rċevew xi tip ta’ kumpens għall-effetti tal-mediċina.
It-Thalidomide damet fis-suq internazzjonali mill-1953 sal-1961.
L-Erbgħa filgħodu, fil-Parlament, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, tenniet kif 61 sena ilu l-Perit Duminku Mintoff kien qajjem punt dwar il-mediċina inkwistjoni u l-effetti ħorox tagħha. Hi qalet li l-Kabinet issa approva jingħata dan il-kumpens lill-vittmi bħala full and final settlement.
Fil-5 ta’ Settembru tal-1962, Mintoff, dak iż-żmien mill-Oppożizzjoni, kien staqsa jekk il-Gvern ta’ George Borg Olivier kienx se jagħti importanza lejn is-sitwazzjoni tal-pillola Thalidomide.
Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li, filwaqt li f’pajjiżi oħrajn il-vittmi tat-Thalidomide kienu ngħataw kumpens, il-vittmi Maltin baqgħu jittamaw. Lanqas biss kienet saret apoloġija magħhom u ma’ qrabathom, la mill-Gvern li ppermetta l-importazzjoni tal-prodott u lanqas mill-kumpaniija Ġermaniża, Chemie Grünenthal, li kienet timmanifatturah.
Hi ddeskriviet dan il-każ bħala ħniżrija u negliġenza kbira għax, minkejja li l-mediċina twaqqfet minnufih f’pajjiżi oħrajn, f’Malta xorta waħda kienet baqgħet tiġi importata.
“L-ebda kliem ma jista’ qatt isolvi jew iħoll l-uġigħ, ir-rabja u t-trawma li ġarrejtu magħkom għal dawn is-snin kollha.L-nqas ħaġa li stajt nagħmel bħala membru parlamentari u bħala ministru parlamentari hu li nismagħkom, nadirkom u li nkun il-vuċi tagħkom.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Ritratt: Stephencdickson