Fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela ma naqasx milli jikkuntrasta l-viżjoni li qiegħed jikkomunika u jimplimenta Gvern Laburista llum ma’ dak li kienu wegħdu li se jagħmlu taħt l-aħħar amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Kien għalhekk, li stqarr kif il-poplu għandu quddiemu għażla ċara xi jrid jagħmel bejn il-miri ambizzjużi għal prosperità sostenibbli mill-Gvern Laburista u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Partit Nazzjonalista meta hu kien fil-poter.
“Dan il-pajjiż se jibqa’ jkollu għażla, jew magħna jimxi ’l quddiem bi prosperità ġdida, jew mal-Oppożizzjoni jerġa’ jmur lura għall-awsterità tal-2013 u l-istaġnar, li sfortunatament bħalissa, aħna u nitkellmu, qegħdin naraw li qed iseħħ f’numru ta’ pajjiżi oħrajn. Għalhekk l-għażla li għandna quddiemna hi ċara. Dan il-pajjiż irid jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-istess diskors, fejn Dr Abela ta elenku sħiħ tal-ħidma tal-Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija f’pajjiżna, hu għamel referenza għal dak li kienu wegħdu esponenti tal-Partit Nazzjonalista.
Hawn hu nnota li, bħala viżjoni għas-settur tal-enerġija, tal-Partit Nazzjonalista kienu wegħdu proġetti relattivament żgħar u li ma twettqux. Dan bid-differenza għal dak li ddiskuta l-Parlament issa, li Dr Abela ddeskrivieh bħala pass kbir ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba.
“Illum Sur President, dak li qed nagħmlu hu, iva pass kbir ’il quddiem, pass ferm akbar mill-viżjoni li kellhom ta’ qabilna ta’ erba’ turbini mal-kosta jew fuq art fil-Baħrija … ħa nfakkar ftit x’riedu jagħmlu meta kienu fil-Gvern.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Tul id-diskors tiegħu, Dr Abela għamel referenza wkoll għad-differenzi bejn il-mudelli ekonomiċi tal-Partit Laburista fil-Gvern u dawk ta’ amministazzjonijiet Nazzjonalisti.
“Meta l-mudell ekonomiku, li kienu jemmnu fih dawk ta’ faċċata tagħna u li għadhom jemmnu fih sal-ġurnata tal-lum, għax ma nbidel xejn … ir-riżultat li pproduċa taf x’kien? Qgħad, li kien disa’ darbiet aktar minn dak li għandna llum. Tmint elef ruħ qegħda.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru fakkar dan, għall-kuntrarju tar-rata ta’ qgħad preżenti li sa Mejju li għadda, din niżlet għal ftit aktar minn disa’ mitt persuna, skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dr Abela nnota kif, lura fl-2013, il-persuni qegħda kienu Maltin u Għawdxin. Dan fid-dawl, li l-ftit xogħol li kien preżenti f’pajjiżna dak iż-żmien kien ta’ kwalità inferjuri, kompla jgħid il-Prim Ministru.