Il-UEFA kkonfermat ma’ ONE News li se tkun qed tinvestiga l-partita bejn Ħamrun Spartans u Maccabi Haifa wara l-inċidenti li ħolqu partitarji mit-tim Iżraeljan it-Tlieta filgħaxija.
Partitarji Iżraeljani, li attendew għal-logħba fis-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, waddbu flares lejn il-partitarji tat-tim Malti ta’ Ħamrun Spartans u lejn il-grawnd. Il-Pulizija kkonfermat li żewġ barranin inżammu taħt arrest u se jkunu qed jitressqu l-Qorti fil-ħin li ġej.
Is-sitwazzjoni tant kemm eskalat, li l-uffiċjali tal-logħba, kellhom iwaqqfu dan il-konfront mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League għal madwar nofs siegħa.
Il-grawnd, li għandu turf artifiċjali, spiċċa b’partijiet maħruqin fejn waqgħu l-flares.
F’kummenti ma’ ONE News, id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni tal-UEFA kkonferma li jinsabu wisq konxji tal-inċident gravi, kif irrapportati f’diversi mezzi Maltin ta’ komunikazzjoni.
L-istess sorsi qalulna li għadhom qed jistennew ir-rapporti uffiċjali tal-partita, li jkunu jinkludu dettalji dwar l-inċidenti. Sussegwentement, skont l-istess rapporti, ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk il-bord tal-proċeduri dixxiplinarji tal-UEFA għandux jiftaħ każ u saħansitra jibda proċeduri dixxiplinari kontra l-klabb Iżraeljan.
AQRA WKOLL: