Nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Lulju, saret it-tnedija taċ-China International Youth Cultural Exchange Camp 2023 ġewwa Jining, provinċja ta’ Shandong, sabiex isservi bħala pjattaforma għaż-żgħażagħ Ċiniżi u barranin biex iwettqu skambji kulturali internazzjonali.
Waqt dan l-avveniment, studenti Ċiniżi u Maltin ħadu sehem f’diversi attivitajiet, fosthom kant u żfin.
Għal dan l-avveniment, attendew għalliema u studenti tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Malta, studenti internazzjonali mill-Università ta’ Peking, studenti lokali minn Jining College u rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu tal-Provinċja ta’ Shandong.
Wan Ting, deputat direttur tan-Netwerk Center of International Cultural Exchange, Dong Bing, viċi sindku tal-belt ta’ Jining, u Martin Azzopardi, għalliem tax-xjenza u fundatur tas-Science China Corner fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Malta, indirizzaw dan l-avveniment.
Wan qal li kemm studenti Ċiniżi kif ukoll dawk internazzjonali jistgħu jesperjenzaw il-profondità tal-Konfuċjaniżmu u s-seħer tal-kultura Ċiniża matul dan l-avveniment. Huwa stqarr, “Nittamaw li jistgħu jsiru promoturi ta’ tagħlim reċiproku bejn iċ-ċiviltajiet Ċiniżi u barranin u prattikanti ta’ skambji ta’ ħbiberija bejn il-popli.”
Dong introduċiet il-miżuri u l-kisbiet tal-belt ta’ Jining fil-promozzjoni attiva tal-kultura tradizzjonali. Hija qalet li l-belt se tistinka għal aktar pjattaformi biex ittejjeb l-iskambji kulturali internazzjonali taż-żgħażagħ fil-futur.
Azzopardi tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-promozzjoni tal-kultura Ċiniża permezz tas-Science China Corner matul is-snin u li ħeġġeġ aktar żgħażagħ Maltin jitgħallmu l-kultura Ċiniża. Kien ċert li dan l-avveniment kien se jgħin lill-istudenti tiegħu biex iħossu personalment is-seħer taċ-Ċina.
John Busuttil, Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina, bagħat filmat tad-diskors tiegħu għaċ-ċerimonja tat-tnedija. Huwa qal li l-iskambji bejn in-nies huma l-aħjar mod biex jiġi approfondit il-fehim reċiproku u li dawn ser joħolqu pedament sod għall-paċi dinjija. “Għalliema u studenti minn Malta se jesperjenzaw Ċina lil’hinn mill-immaġinazzjoni tagħhom permezz tal-attivitajiet tal-kamp ta’ skambju, u nħeġġiġkom terġgħu żżuru dan il-pajjiż mal-familja u l-ħbieb tagħkom.”
Iċ-ċerimonja tat-tnedija saret fin-Nishan Lecture Hall ta’ Nishan Holy Land ġewwa Nishan, il-post fejn twieled Konfuċju, u post qaddis ta’ qima għal studjużi ta’ Konfuċju ta’ kull età. Dan l-avveniment kien sponsorjat mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kultura taċ-Ċina, koorganizzata man-Netwerk Center of International Cultural Exchange, id-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu Provinċjali ta’ Shandong, u l-Gvern tal-Poplu Muniċipali ta’ Jining.