Il-Banda Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq irrapreżentat lil pajjiżna barra minn xtutna għad-disa’ darba fl-istorja tagħha.
Din id-darba ġewwa Spanja fit-tmintax -il edizzjoni tal-Fem Banda – International Festival of Music Bands li jiġi organizzat ta’ kull sena ġewwa Lleida.
F’ dan il-Festival, il-Banda Santa Katarina V.M. tagħat l-prestazzjoni tagħha erba’ darbiet, fosthom żewġ programmi mużikali u marċ fiċ-ċentru ta’ Lleida flimkien mal-erba’ baned l-oħra parteċipi f’ dan il-festival li ġew minn Franza, mill-Portugal u minn Spanja stess.
F’istqarrija, il-Banda Santa Katarina V.M qalet li tinsab ferm kburin li din il-banda ntgħażlet biex tingħaqad f’mass band flimkien mal-Banda Muniċipali ta’ Lleida u s-Soċjetà Mużikali Obidense tal-Portugal għal kunċert ġewwa l-Enric Granados Auditorium li perrmezz tiegħu ingħalaq dan il-festival prestiġġjuż.
Din l-esperjenza hija parti mit-tielet ġemellaġġ mużikali internazzjonali għas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M., hekk kif dan l-avveniment kien l-ewwel parti mill-ġemellaġġ bejn il-Banda Santa Katarina V.M u l-Banda Muniċipali ta’ Lleida.
Il-Banda Muniċipali ta’ Lleida ġiet mistiedna sabiex fis-sena 2024 iddoqq fil-Festa ta’ Santa Katarina V.M. ġewwa ż-Żurrieq bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-160 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. – l-ewwel Soċjetà Mużikali fiż-Żurrieq.
Mal-44 bandist fi ħdan il-Banda Santa Katarina V.M. ingħaqdu s-Surmast Josef Grech, il-kantanti Mark Tonna u Marisa D’Amato, u 196 ġitant li assisstew u appoġġjaw lill-44 bandist li ffurmaw il-Banda Santa Katarina V.M. ġewwa Spanja f’dan l-impenn internazzjonali.
Is-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. tinsab onorata ferm li l-Banda Santa Katarina V.M. ġarret il-bnadar taż-Żurrieq u ta’ Malta fl-isfera internazzjonali tal-mużika għad-disa’ darba fl-istorja tagħha.