Il-Qorti ordnat l-iżgombrament ta’ restorant f’Paceville, li għandu sehem minnu Mohamed El Mushraty, magħruf aħjar bħala Lilu King, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet tal-kirja.
El Mushraty attwalment qed jiġi mixli b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus, evażjoni ta’ taxxa u parteċipazzjoni fi kriminali organizzata.
Din id-deċiżjoni nibtet mid-deċiżjoni li ħa l-Bord tar-Regolarizzazzjoni tal-Kera l-ġimgħa li għaddiet kontra sieħeb fin-negozju ta’ El Mushraty. Il-persuna l-oħra, raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, xehed li l-Lilu King għamillu pressjoni biex jixhed falz.
Ir-raġel qal, fil-Qorti, li hu ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 25 sena u li kien jaħdem bħala aġent tal-ivvjaġġar qabel ma beda jieħu ħsieb restorant fi ħdan il-Grupp Hugo’s.
El Mushraty kien is-sieħeb tiegħu f’dan in-negozju hekk kif it-tnejn li huma kellhom 50% sehem. Il-liċenzja kummerċjali u l-kirja ta’ ħames snin tal-istabbiliment kienet ħarġet f’isem ir-raġel.
Hu kien kiteb ukoll lis-sid biex jitneħħa mill-kuntratt tal-kera, iżda ma setax jagħmel dan minħabba klawżola fil-kuntratt. Min-naħa tiegħu, is-sid kien ordna li jinħall il-kuntratt tal-kirja minħabba li r-raġel ma mexiex mal-kuntratt.
Dan hekk kif minkejja li l-post kien mikri bħala restorant, kien qed jintuża bħala stabbiliment tad-divertiment u b’hekk kien qed idejjaq lir-residenti tal-madwar.
Ir-raġel kien naqas ukoll milli jħallas il-kirjiet u xi pagamenti oħrajn, u b’hekk kien jaf lis-sid is-somma ta’ aktar minn mija u seba’ u għoxrin elf ewro.
B’hekk il-bord ordna l-iżgombrament mill-istabbiliment.