Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ b’attakk sfrenat kontra l-komunità LGBTIQ+.
Is-Sibt li għadda kienet organizzata l-attività ‘Dancing with Pride’ fil-Belt Valletta, fejn familji ngħaqdu flimkien għal stedina pubblika ta’ divertiment u ċelebrazzjoni.
Hawn attendew tfal, żgħażagħ, ġenituri u anzjani, waqt li flimkien ħadu gost jiżfnu għan-noti mużikali tal-kantanta Christina Aguilera, li se tkun f’Malta għal kunċert speċjali fl-okkażjoni tal-EuroPride f’Settembru li ġej.
Iżda l-Partit Nazzjonalista malajr daħal f’kontroversja fuq il-mezzi soċjali u ddeċieda li, dak tas-Sibt, ma kienx post għat-tfal.
L-ewwel li fetaħ il-kanuni kien il-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Edukazzjoni Justin Schembri, li staqsa jekk huwiex xieraq li t-tfal ikunu involuti f’dak li sejjaħ bħala dimostrazzjonijiet.
Qal li minn dejjem insista li t-tfal għandhom jibqgħu tfal u li ż-żifna tas-Sibt tmur kontra dan it-twemmin.
Ma’ Justin Schembri kompla l-esponent u eks Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li ddikjara li, x’jemmen il-Gvern fuq l-ugwaljanza, mhux biċċa tat-tfal.
Immedjata kienet il-kundanna ta’ bosta persuni f’kitbiet fuq Facebook, fosthom l-opinjonisti Russell Sammut u Jeremy Camilleri.
Sammut, f’kumment telefoniku ma’ ONE News, tenna li ħassu muġugħ meta ra kif attività għall-familja kollha kellha tispiċċa f’kontroversja. Hu ġab paragun kif, fil-pantomimi, isir l-istess ħaġa, però hemm ħadd ma jgħid xejn. Tenna li hi redikola li għas-skapitù tipprova tippreġudika.
Qal, “L-event kien miftuħ għal kulħadd u kien hemm xi familji li ddeċidew li jaqbdu lil uliedhom u jieħduhom jiħdu gost u fl-istess ħin jesponuhom għad-diversità li ngħixu magħha fis-soċjetà tagħna. Weġġgħetni ħafna l-ħaġa li kien hemm min bi skop tefa’ misinformazzjoni biex jiġbed naqra attenzjoni. U dik weġġgħatni, għax din li titfa’ xi ħaġa fuq il-midja soċjali biex tiġbor il-‘likes’ ma tridx tagħmilha għas-skapitù li you put down a whole community.”
Fl-istess ħin, l-opinjonista Jeremy Camilleri kiteb kif dak li ġara fakkru fi tnax-il sena ilu meta persuni LGBTIQ+ ma kellhom l-ebda drittijiet. Hu qal li attività bħal din kienet bżonnjuża ħafna u hemm bżonn aktar, għax ir-reazzjoni tagħti prova ta’ dan.
Qal, “L-omofobija, il-mibegħda u r-rabja li rajt ilbieraħ fuq event li ma kellha xejn sesswali, mhux billi qed jgħidu, ma kien hemm xejn sesswali. Litteralment kien hemm persuna liebes fi drag ikellem lit-tfal, inqala’ rebus u hemm turi li mhux biżżejjed li sar, il-leġiżlazzjonijet li saru, imma hemm bżonn aktar edukazzjoni biex tinbidel il-kultura tal-imħuħ.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li, waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-Sibt, setgħet tisma’ biss kliem mimli mħabba.
Temmet tgħid “kemm għandna x’nitgħallmu mill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li jridu dinja bla preġudizzji u b’ħafna rispett.”