Minn din il-ġimgħa, dawk il-pazjenti li għandhom xi tip ta’ mard kroniku komuni bħall-Asthma, id-Dijabete u l-pressjoni u l-kolesterol għoljin, it-tobba tal-familja jistgħu japplikaw għall-kartuna s-safra.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt mistoqsija Parlamentari t-Tlieta, mid-Deputat Parlamentari Ray Abela.
Qal, “Minn din il-ġimgħa għal 4 kundizzjonijiet komuni kroniċi li huma l-Asthma, id-dijabete, il-pressjoni u l-kolesterol għoli, it-tobba kollha tal-familja kemm dawk li jaħdmu fiċ-Ċentru tas-Saħħa kif ukoll dawk li jaħdmu privat jistgħu japplikaw għall-kartuna s-safra.”
Fearne spjega li sa issa dawk il-persuni li jkollhom bżonn il-kartuna s-safra jistgħu jakkwistawha biss jew mill-konsulent tagħhom jew f’xi każijiet mingħand it-tobba taċ-Ċentru tas-Saħħa.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif b’hekk il-persuni li għandhom dawn il-kundizzjonijet m’għandhomx għalfejn jagħmlu l-appuntamenti mal-ispeċjalisti fl-isptar Materi Dei imma issa jistgħu minflok japplikaw direttament mat-tabib tagħhom.
Fearne ħabbar ukoll li l-kartuna s-safra ħa tibqa’ eliġibbli għal għaxar snin u r-riċetti li joħorġu mingħand l-ispiżjar se jibqgħu jgħoddu għal numru ta’ xhur.
Intant, fl-istess seduta parlamentari il-Ministru Chris Fearne tkellem ukoll dwar is-suġġett tas-saħħa mentali.
Huwa fakkar fin-numru 1579 fejn persuna tista’ ċċempel meta tħoss li għandha bżonn titkellem ma’ xi ħadd. Huwa ħabbar ukoll li minn meta beda dan is-servizz fi tmiem l-2022 kien hemm ħamest elef persuna li ċemplu fuq dan in-numru.
Qal, “Minn mindu ftaħnih fl-aħħar tas-sena diġà kellna kważi ħamest elef persuna li ċemplu fuq il-1579. Il-maġġoranza jkunu każijiet ta’ dippressjoni jew anzjetà jew solitudni però madwar 3 fil-mija kellhom problemi ta’ tendenzi suwiċidali u dawn indirizzajnihom. Illum għandna l-Home Crisis Intervention Team li jiġi d-dar tiegħek u jibqa’ jsegwik għal kemm hemm bżonn.”
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li Malta għandha waħda mill-inqas rati ta’ suwiċidji fl-Unjoni Ewropea però li tiġi salvata kull persuna tibqa’ l-aktar ħaġa importanti. Huwa tenna li min iħoss li għandu bżonn l-għajnuna għandu jitkellem jew ifittex l-għajnuna.