L-Ambaxxatur tar-Repubblika Portugiża, Bernardo Futscher Pereira, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella laqa’ lill-Ambaxxatur u fakkar li Malta u l-Portugall għandhom relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li ilhom għal żmien twil. Dan jidher fin-numru estensiv ta’ ftehimiet u skambji ta’ żjarat bejn iż-żewġ pajjiżi. F’dan ir-rigward, huwa rrefera għaż-żjara f’Malta mill-President Rebelo de Sousa f’Ottubru tal-2022 biex jipparteċipa fil-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE, magħrufa wkoll bħala l-Grupp Arraiolos. Hekk kif din is-sena dan il-grupp ser jiċċelebra l-għoxrin anniversarju mill-ħolqien tiegħu mill-Eks President Portugiż Sampaio, il-President Vella kkonferma li ser jattendi għal-Laqgħa ppjanata għal Ottubru tal-2023 fil-belt ta’ Porto.
Iż-żewġ partijiet qablu li Malta u l-Portugall għandhom wirt Ewropew u Mediterranju komuni u huma marbuta b’mod intrinsiku permezz ta’ għanijiet u sfidi komuni. It-tnejn esprimew ir-rieda tal-pajjiżi tagħhom li jkomplu l-kollaborazzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak reġjonali permezz tal-MED9, id-Djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent, u l-Unjoni għall-Mediterran. Ġiet diskussa wkoll il-migrazzjoni irregolari fil-Mediterran b’enfasi fuq soluzzjoni ta’ ridistribuzzjoni ġusta u ekwa li tinvolvi lill-Istati Membri kollha.