Mill-2017 ’l hawn ġew implimentati 67 proġett madwar Malta u Għawdex, permezz ta’ 18-il miljun ewro ġejjin mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-programm mwaqqaf għall-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex ifasslu u jimplimentaw riformi ġodda.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbar li, għal sena oħra, Malta se tkun qed tiftaħ l-applikazzjonijiet fil-15 ta’ Settembru biex imbagħad il-Kummissjoni Ewropea tagħżel l-aktar proġetti li jolqtu firxa ta’ setturi differenti.
L-għan ta’ dan l-istrument hu li l-amministrazzjoni pubblika twettaq proġetti biex fl-aħħar mill-aħħar tkun ta’ servizz għall-pubbliku.
Waqt din il-konferenza ġew ippreżentati wkoll il-karatteristiċi ewlenin tal-istrument u spjegat il-prijoritajiet tiegħu għas-snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li Malta, fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, trid tikkompeti biex ikollha servizz pubbliku effiċjenti.
Huwa tenna kif m’għandux dubju li, kif dan l-istrument, li kien ta’ suċċess fl-aħħar snin, jerġa’ jkun ta’ suċċess ukoll din is-sena.
Qal, “It-TSI huwa importanti għax, meta aħna naraw proġetti jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea, dawk iridu jsiru b’ċertu għarfien u dak l-għarfien jiġi billi jkun hemm ħafna training għaddej u l-fondi għal dak it-tip ta’ xogħol mhux garantiti u għalhekk irridu nikkompetu ma’ pajjiżi oħrajn l-entitajiet tagħna biex hemm dan il-fond li jismu technical support li permezz tiegħu nkunu nistgħu nieħdu fondi. Imbagħad nieħdu taħriġ neċessarju biex dawk il-proġetti nwettquhom.”
Jonathan Vassallo, Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, tkellem ma’ ONE News u qal kif mill-2017 ġew implimentati diversi proġetti, fosthom dawk marbutin mal-ġustizzja, l-aspetti diġitali u dawk ambjentali.
Qal, “Dan l-istrument ilu jiġi implimentat mill-2017, allura hemm numru ta’ proposti li ġew imwaqqfa, inkluż numru ta’ studji li jħarsu lejn l-amministrazzjoni u naraw kif nistgħu nkunu aħjar fl-area tal-ġustizzja, l-aspetti diġitali kif ukoll ambjentali.”