F’Summit ieħor tan-NATO li sar fil-jum tat-Tlieta fil-kapitali tal-Litwanja, il-President Tork Recep Tayyip Erdogan ħabbar li pajjiżu se jkun qed jappoġġja t-talba tal-Iżvezja sabiex tingħaqad ma’ din l-alleanza militari bejn 31 pajjiż.
Bħala wieħed pajjiżi tan-NATO, it-Turkija għandha dak li jissejjaħ il-Veto fuq pajjiżi ġodda li jkunu se jingħaqdu magħhom.
F’dawn l-aħħar xhur it-Turkija kienet qed timblokka l-applikazzjoni tal-Iżvezja hekk kif kienet takkużaha li qed tospita militanti Kurdi.
Il-Prim Ministru Svediż qal kif din hija aħbar importanti ferm għal pajjiżu.
Din l-aħbar ġabet ukoll ir-reazzjoni ta’ bosta mexxejja dinjija fosthom tal-President Amerikan Joe Biden, tal-Gvern Ġermaniż u anke tal-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak li saħaq kif l-Iżvezja fin-NATO se tagħmilhom aktar siguri.
Il-midja internazzjonali irrappurtat kif il-President Ukren Volodymr Zelensky, li wasal għas-summit it-Tlieta wara nofsinhar, innota d-dewmien li qed ikun hemm sabiex pajjiżu tingħaqad ukoll man-NATO.
F’messaġġ huwa sejjaħ din is-sitwazzjoni bħala assurda.
Aktar qabel, il-kap tan-NATO Jens Stoltenberg saħaq li l-Ukrajna eventwalment ser tingħaqad magħhom, iżda sabiex dan iseħħ se jkun hemm proċess twil.
In-NATO toffri sigurtà kollettiva, hekk kif il-membri huma obbligati li jiddefendu lill-pajjiżi membri jekk dawn ikunu taħt attakk.
Intant, mal-wasla tiegħu fil-Litwanja, il-President Franċiż ħabbar li pajjiżu se jkun qed jibgħat missili li jwasslu fit-tul lill-Ukrajna.
Dan se jgħinu lit-truppi Ukreni sabiex ikomplu l-kontro-offensiva tagħhom kontra t-truppi Russi.