Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm madwar miljun u tmenin elf talba għal servizz governattiv, medja ta’ kważi 3,000 talba kuljum.
Statistiċi uffiċjali tal-aġenzija servizz.gov juru li minn Jannar sa Ġunju 2023, 130,000 persuna żaru l-24 hub li servizz.gov għandu mferrxa f’diversi lokalitajiet.
Is-servizzi pubbliċi online komplew iżidu aktar fil-popolarità, b’madwar 451,460 persuna jaċċessaw servizzi jew informazzjoni oħra relatata mis-sit servizz.gov.mt. L-aġenzija għas-servizzi governattivi rċeviet ukoll 45,432 email. L-iktar servizzi li kienu mitluba bl-email kienu servizzi rigward it-taxxa u l-impjieg, filwaqt li l-aktar servizz online li sar użu minnu kienet ir-reġistrazzjoni għall-European Health Insurance Card (EHIC).
Fl-istess perjodu, il-freephone ta’ servizz.gov 153 irċieva total ta’ 451,183 telefonata. L-aktar tliet servizzi li dwarhom kien hemm telefonati kkonċernaw tax returns, VAT returns u l-pensjoni tal-irtirar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov Massimo Vella qal li dawn iċ-ċifri jixhdu li se tkun sena oħra pożittiva għal din l-aġenzija. Żied jgħid li l-aġenzija qed tkompli tinvesti biex tasal għand in-nies bl-użu ta’ pjattaformi varji, minn servizzi online aktar immedjati għal assistenza wiċċ imb’wiċċ.