Dalgħodu, l-Awtorità tal-Ippjanar reġgħet bdiet azzjoni diretta biex jitneħħa żvilupp illegali li jinsab f’żona skedata ta’ Grad 1.
Fi stqarrija l-PA qalet kif dan isegwi l-azzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet bdiet f’Mejju li għadda iżda kienet ġiet mwaqqfa permezz ta’ żewġ mandati ta’ inibizzjoni fil-Qorti mressqin mis-sid kontra l-Awtorità.
Iż-żewġ tentattivi biex titwaqqaf l-azzjoni tal-Awtorità ġew annullati mill-Qorti, u l-Awtorità issa qiegħda tipproċedi bix-xogħlijiet meħtieġa.
Intqal kif saru diversi żviluppi illegali fuq il-post, u dawn huma milquta minn avviżi multipli ta’ infurzar -EC236/17 u EC119/21 – li wħud minnhom jinkludu wkoll multi ta’ kuljum.
Ix-xogħlijiet illegali jikkonsistu fi skavi u estensjonijiet mhux awtorizzati mal-bini eżistenti f’partijiet tal-glacis militari skedat.
Minħabba s-sensittività tas-sit u biex tiġi evitata aktar ħsara fiż-żona skedata, ix-xogħlijiet qegħdin isiru manwalment.
L-operazzjoni ta’ azzjoni diretta qiegħda ssir bi spejjeż kollha tas-sid li wettaq l-iżvilupp illegali.
L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tkun assistita minn membri tal-Korp tal-Pulizija.