Ġie kkonfermat kemm il-miżuri tal-Budget 2023 kienu ta’ fejda għal dawk bl-inqas dħul. Hekk sostna, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal f’reazzjoni għal studju ppubblikat minn Caritas Malta.
L-istudju jidentifika kif il-prezzijiet jolqtu tliet tipi differenti ta’ familji: żewġ adulti b’żewġt itfal; adult u żewġt itfal; u koppja ta’ anzjani. Hawn joħroġ kif il-pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna ħallew impatt fl-inflazzjoni f’pajjiżna. Minkejja dan, indikat li l-inflazzjoni fl-aħħar sena kienet ukoll inqas diffiċli mqabbla ma’ dik ta’ sena qabel b’riżultat tal-COVID-19.
Il-Caritas qalet li l-ispiża ta’ basket tal-ikel fl-aħħar sena hi inqas minn dik bejn l-2021 u l-2022 kawża tal-impatt tal-pandemija.
Instab li koppja ta’ pensjonanti fl-2023 riedu jonfqu €167 aktar fis-sena fuq ikel u prodotti relatati mas-saħħa.
Minkejja dan, il-Ministeru spjega li ż-żieda, li ngħatat lil kull pensjonant grazzi għall-Budget 2023, kienet kważi erba’ darbiet l-ispiża nnotata mill-istudju tal-Caritas. Dan filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli.
Fl-istess ħin, iż-żieda fil-Paga Minima u fiċ-Children’s Allowance, grazzi għall-Budget 2023, hi madwar tliet darbiet aktar miż-żieda fl-ispiża għal single parent b’żewġ itfal, hekk kif stmat fl-istess rapport, u l-istess għal koppja b’żewġt itfal.
Il-Ministeru żied li ż-żidiet huma wkoll b’saħħithom għall-koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu. L-istess jista’ jingħad għall-familji fejn il-ġenituri għal xi raġuni ma jkunux fl-impjieg u issa qed igawdu miż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa u allura dawn ukoll ingħataw l-għajnuna biex jilqgħu għall-impatt tal-inflazzjoni.
Fl-istqarrija ngħad li, ma’ dawn l-għajnuniet, iddaħħal ukoll għall-ewwel darba l-Mekkaniżmu Addizzjonali Kontra l-Għoli tal-Ħajja fejn, b’nefqa ta’ 16-il miljun ewro, ibbenefikaw minnu aktar minn 47,000 familja fil-faxex li jitkellem dwarhom l-istudju tal-Caritas.
L-istudju tal-Caritas jinnota wkoll kif il-prezz tal-ikel prodott lokalment ma żdiedx daqskemm żdiedu l-prezzijiet tal-ikel importat, konferma ta’ kemm is-sussidji li ngħataw mill-Gvern, fosthom l-istabbilità tal-enerġija kif ukoll sussidji fuq ġwież u ċereali, kellhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali f’pajjiżna.
Il-Ministeru temm jirringrazzja lil Caritas Malta għal dan l-istudju u spjega li dejjem se jingħata widen għal dawn it-tipi differenti ta’ studji, għax ikomplu jieħdu l-inizjattiva li jgħinu lil dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna.
Dan bir-riżultat aħħari jkun it-tnaqqis fir-rata tal-faqar, kif seħħ b’mod sinifikanti fl-aħħar snin.