Mara ta’ 30 sena min Nepal weġġgħet gravi wara li waqgħet madwar sular għoli għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, fi Triq D’Argens, Tas-Sliema.
Il-pulizija marret fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li mara residenti Raħal Ġdid kienet waqgħet madwar sular għoli, wara li ppruvat taqbeż minn fuq il-bejt għall-gallarija tal-propjetà minħabba li kienet issakkret barra.
Tim mediku wasal fuq il-post sabiex jassisti, u ambulanza ħadet il-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.