Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ġie mċanfar ripetutament għall-aġir tiegħu fil-Kamra tar-Rappreżentanti wara li m’aċċettax ruling tal-Ispeaker u saħansitra sfidah meta ordnalu joħroġ ’il barra. Għal xi ħin is-seduta kellha tiġi interrotta u x-xandira mwaqqfa minħabba li d-Deputat tal-establishment baqa’ jirrifjuta milli jobdi l-ordnijiet tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, li qallu biex joħroġ ’il barra.
Fil-bidu tas-seduta, is-Sedja kkomunikat id-deċiżjoni tagħha b’rabta mal-emenda li ressqet l-Oppożizzjoni l-Ħamis li għadda fuq il-mozzjoni ppreżentata minnha stess mid-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina, Robert Cutajar, Jerome Caruana Cilia, Stanley Zammit u l-Kap Bernard Grech.
L-Ispeaker spjega kif dakinhar il-Kamra kellha tiġi sospiża minħabba diffikultajiet proċedurali li nqalgħu meta dak il-ħin, li tressqet il-mozzjoni, il-Kamra ma kellhiex it-test quddiemha. B’hekk ma laqgħetx l-emenda mressqa mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
L-Ispeaker żied jgħid ukoll li l-emenda mressqa kienet qed tbiddel mozzjoni, li kienet għadha għall-konsiderazzjoni tal-Kamra. Għaldaqstant kien jagħmilha waħda ipotetika, għax tiddependi biss mill-eżitu ta’ jekk l-ewwel emenda mressqa mill-Gvern kinitx se tgħaddi jew le, u jekk it-tieni waħda mressqa mill-Oppożizzjoni kienx se jkollha wkoll l-approvazzjoni neċessarja.
B’hekk l-emenda kienet qed tipproponi bidla għal test li, sal-ħin meta tressqet l-imsemmija emenda, kien għadu ma jeżistix u allura l-emenda mressqa tmur lil hinn mill-proċeduri tal-Kamra.
L-Ispeaker temm jgħid kif din id-deċiżjoni ttieħdet wara li kkonsultat ma’ diversi regoli tal-Kamra u pariri legali mogħtija lilha.
Minkejja d-deċiżjoni ċara tal-Ispeaker, id-Deputat Aquilina ma qabilx ma’ dan u ddeċieda li, minflok, jattakka lill-Ispeaker għad-deċiżjoni tiegħu fejn akkużah, fost l-oħrajn, li kien qed wasal għaliha bi preġudizzju.
Għal dan l-aġir, Aquilina, li qal li kien qed jitkellem f‘isem l-Oppożizzjoni kollha, ġie mċanfar mill-ġdid mill-Ispeaker tal-Kamra tant li kellu jkeċċih.
Madanakollu, id-Deputat Nazzjonalista rrifjuta milli jagħmel dan, tant li s-sessjoni kellha tiġi sospiża għal xi ħin.
X’ħin reġgħet bdiet ix-xandira tas-seduta, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Andy Ellul, talab deċiżjoni tal-Ispeaker fil-konfront ta’ Aquilina għall-aġir tiegħu ftit minuti qabel.
Hu stqarr li d-deċiżjoni tas-Sedja kienet qed tintalab fid-dawl tas-Standing Orders li jisħqu kif l-ebda membru m’għandu dritt juża kliem offensiv jew mhux xieraq kontra l-karattru jew il-proċeduri tal-Kamra inkella b’referenza għal xi membru tagħha.
Aquilina, li xorta ma ħariġx mill-Kamra, reġa’ qam u kompla bl-attakk tiegħu fuq is-Sedja fejn talab lill-Ispeaker biex jirrikuża ruħu milli jieħu deċiżjoni fuq l-aġir tiegħu.