It-Tnejn filgħodu beda l-ġuri fil-konfront ta’ Michael Emmanuel li jinsab mixli bil-qtil ta’ Marie Lourdes Agius, omm ta’ sebat itfal minn Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ lura fil-15 ta’ Settembru tal-2018 meta Agius instabet mejta fuq is-sodda tal-appartament li kienet qed tgħix fih qrib il-Gymnasia fi Triq F. Tortell f’Raħal Ġdid.
Wara l-investigazzjonijiet, kien irriżulta li l-vittma, li kellha 35 sena, mietet fgata. Fil-fatt, mill-awtopsja ħareġ li Agius kellha marki ta’ tagħfis ma’ għonqha u numru ta’ tbenġil.
Dakinhar il-Pulizija kienet arrestat immedjatament lis-sieħeb tagħha, Michael Emanuel ta’ 25 sena mill-Kosta tal-Ivorju. Huwa kien ilu joqgħod mal-vittma għal madwar 3 snin. Meta nstab il-katavru tal-mara, l-akkużat kien deher fuq l-għatba tad-dar, waqt li kien qed ikun miżmum mill-Pulizija.
It-Tnejn filgħodu l-Imħallef Aaron Bugeja beda bl-indirizz preliminari tiegħu lill-ġurati wara li emfasizza u spjega l-irwol tagħhom fil-jiem li ġejjin.
Il-ġuri qed isir bl-Ingliż,u beda bl-għażla tal-ġurati, li jinkludu sitt irġiel u sitt nisa, bi tlieta minnhom ikunu ġurati riservi.