‘Agħti l-Imħabba’ hi t-tema għal din is-sena tal-21 edizzjoni tal-maratona ‘Oħloq Tbissima’, li se tiġi organizzata fi tmiem il-ġimgħa li ġej bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġejjin.
Il-maratona se ssir b’xandiriet kuljum bejn l-4:00 u nofsillejl fuq l-istazzjonijiet prinċipali, inkluż ONE TV. Fil-bitħa tad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera se jsir spettaklu b’diversi kantanti, u intervisti mal-missjunarji nfushom, li se jixxandru fuq ONE u fuq l-istazzjonijiet l-oħra.
Permezz tal-maratona se jinġabru fondi b’riżq missjunarji Maltin f’pajjiżi bħall-Perù, il-Pakistan u l-Filippini fejn jipprovdu sostenn u provvisti lil persuni foqra.
Il-maratona annwali ssostni l-ħidma tal-patrijiet Maltin f’pajjiżi simili biex joffru l-imħabba lil min jinsab bla dar, bla ikel, bla mediċini u bla edukazzjoni, fost oħrajn.
L-organizzaturi tal-avveniment CPI Media ħabbru li l-ġbir ta’ din is-sena se jmorru biex jinbnew djar għall-familji fil-Filippini, li qed ikunu żgombrati minħabba li mhux ilaħħqu mal-kirjiet, jew biex jgħixu f’residenzi ftit aktar komdi, fil-Perù għal proġett għal għajnuna fil-kura tas-saħħa jew opportunitajiet edukattivi u provvisti tal-ikel, waqt li fil-Pakistan għal fond speċjali li jgħin lill-foqra jkopru spejjeż tal-ħajja.
Oħloq Tbissima ser tgħin ukoll lit-tfal tad-dar ta’ San Ġużepp Santa Venera għal trobbija sana u sabiħa.
Dan kollu jista’ jkun possibbli bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi u kull min jixtieq jagħti donazzjoni fil-jiem tal-maratona se jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz tat-telefown.
Mezzi għad-donazzjonijiet huma:
SMS (€11.65) fuq 5061 9285
Telefonati:
51802009 (€25 )
51902080 (€50)
Pledge line (donazzjonijiet minn €300 ’il fuq) fuq 2144 5544
BOV Mobile App fuq 7920 2035
Ċekkijiet indirizzati lil CAM, Oħloq Tbissima, Dar San Ġużepp, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera SVR1010
Donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll dirett fuq is-sit www.oħloqtbissima.com