Fl-ewwel ġurnata ta’ logħob kompetitiv mill-International Island Games li qed jsiru f’Guernsey, it-tim Għawdxi ddebutta f’żewġ dixxiplini.
Fl-ewwel kompetizzjoni Josef Azzopardi ħa sehem fit-Triathlon tal-irġiel u spiċċa fis-sbatax-il post minn ħamsa u erbgħin parteċipant, b’ħin ta’ sagħtejn, tmintax-il minuta u erbgħa u erbgħin sekonda. It-tellieqa kienet idominat mit-Triatleta minn Guernsey Josh Lewis li spiċċa f’ħin ta’ siegħa, tnejn u ħamsin minuta u erbgħin sekonda.
Fi tmiem it-tellieqa, it-Triatleta Għawdxi Josef Azzopardi, minkejja li kien emozzjonat li kien l-ewwel atleta mit-Tim li daħal fl-azzjoni f’dan il-logħob, kien sodisfat bir-riżultat finali.
It-tim tal-futbol beda l-impenji tiegħu fi Grupp 4 b’telfa bi skor minimu ta’ wieħed b’xejn kontra l-favoriti li jirbħu l-kompetizzjoni Jersey. Il-logħba, li kienet kumbatuta u f’xi ħinijiet nervuża ġiet deċiża b’gowl ta’ Jersey skurjat fis-sitta u tletin minuta minn Sol Solomon. It-tim Għawdxi spiċċa jilgħab b’għaxar plejers meta fil-ħamsa u sebgħin minuta tkeċċa Ferdinando Apap.
Il-kowċ tat-tim Għawdxi Mark Buttigieg kien diżapuntat bir-riżultat finali iżda innotta l-impenn tal-plejers kolla li baqgħu fil-partita minkejja li fl-aħħar ħinijiet kienu bi plejer anqas.
Intant, is-Segretarju tal-Gozo Island Games Association Jonathan Barbara, li kien il-persuna li ressaq l-proposta sabiex l-Għawdxin jsiru membri ta’ l-assoċjazzjoni internazzjonali, jinsab ċert li din l-esperjenza ser tagħti dimensjoni ġdida għall-isport f’Għawdex.
Fi tmiem l-ewwel ġurnata ta’ logħob, Guernsey jinsabu fl-ewwel post fil-klassifika tal-medalji b’sebgħa deheb, segwiti minn Jersey, Isle of Man u Gotland b’żewġ medalji tad-deheb kull wieħed.