Hospice Malta temmet il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi ‘Bl-imħabba Tiegħek Naslu’ lbieraħ bis-somma finali mill-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi tkun kważi nofs miljun ewro.
Parti mill-fondi li nġabru – €462,839 – se jmorru għal-proġett tas-St Michael Hospice li jinsab fl-aħħar stadji tagħhom. Il-kumpless spazjuż se jkun qed jakkomoda l-pazjenti f’in-patient unit, filwaqt li se joffri wkoll servizzi ogħla ta’ terapija ta’ matul il-jum.
Dan il-proġett se jiggarantixxi li Hospice Malta tkun tista’ tkompli toffri servizz ta’ kwalità għolja b’xejn lil eluf ta’ pazjenti u l-familji tagħhom kull sena. Bħalissa Hospice Malta tassisti medja ta’ 1,400 familja.
Iċ-Chairperson tal-Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind, saħqet li din I-sena l-ħolma tal-inawgurazzjoni tal-kumpless tas-St Michael’s se ssir realtà u b’hekk l-organizzazzjoni mhux governattiva se tkun tista’ jkompli toffri kura paljattiva komprensiva tal-aqwa kwalità.
Aktar tagħrif dwar din il-ħidma jinstab fuq is-sit uffiċjali tal-NGO, www.hospicemalta.org.