Ix-xahar li għadda ġie inawgurat investiment ġdid ta’ żewġ miljun ewro għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’lanċa ġdida, MANUĊĊA. Ħriġna fuqha llum biex naraw kif se tkun qed issaħħaħ il-flotta marittima tal-Protezzjoni Ċivili.
Abbord l-aktar investiment riċenti tal-Protezzjoni Ċivili, il-Leading Assistance Rescue Officer mis-Sezzjoni Marittima, Cadrick Tabone, spjegalna l-karatteristiċi partikolari tal-lanċa “MANUĊĊA”.
Din id-dgħajsa nbniet speċifikament għall-ħtiġijiet tal-kosta Maltija biex tkun tista’ timmanuvra u taċċessa partijiet ta’ pajjiżna, li dgħajjes oħrajn fil-passat ma setgħux.
Qal, “Din hija high speed vessel, tilħaq veloċità massima ta’ 44 knot u nistgħu nidħlu biha ġo baxx ta’ nofs metru, jiġifieri tagħmilha differenti minn bċejjeċ tal-baħar oħra.”
Din id-dgħajsa kapaċi taqdi f’diversi sitwazzjonijiet, imma l-ħsieb warajha kien li tintuża, primarjament, f’operazzjonijiet ta’ tifi tan-nar.
Qal, “Jekk immorru fuq biċċa tal-baħar tkun qed taqbad u jkun hemm in-nies fuqha, din għandha l-faċilità biex nersqu lejhom u nsalvaw lin-nies abbord ukoll.”
“MANUĊĊA” hija mgħammra bl-aħjar teknoloġija fis-suq ta’ bħalissa, b’diversi skrins li juru dak kollu li jkun qed jiġri waqt vjaġġ jew operazzjoni ta’ salvataġġ.
Qal, “Għandha d-dynamic position system jiġifieri kif naslu fuq il-post, il-crew kemm jagħtiha l-ordni u tieħu over id-dgħajsa, jiġifieri la għandek għalfejn toqgħod timmanuvra, għax hi taħdem through satellite, u taħdem hi u l-crew ikun jista’ jaħdem faċilment hawn barra, iqassam ix-xogħol, jara li l-fire fighting monitor qed jaħdem sew, jara li l-fire hybrid qed jaħdem sew.”
Din il-lanċa hija mgħammra wkoll b’seba’ mitt litru biodegradable foam, li ma jħalli l-ebda impatt fuq l-ambjent.
Fl-istess waqt, sar investiment f’pompa li taħdem bl-ilma baħar, u li kapaċi tbattal sa tunellata ilma fi tliet minuti.
Qal, “Aħna meta nersqu lejn lanċa, lejn dgħajsa, naraw x’kobor ikun fiha. Jekk lanċa tkun żgħira, aħna nnaqqsu l-ammont tal-ilma li nitfgħu. Din kapaċi titfa’ ħames tunellati ilma fil-minuta, u hija ħasra li tmur fuq dgħajsa li tkun qed taqbad u jkollha x’imkien veru żgħir jaqbad u tispiċċa tgħerriqha, allura aħna nirregolaw kemm nitfgħu ilma.”
Tabone kompla jispjega li peress li hija opra ġdida, it-taħriġ fuqha mill-uffiċjali tat-Taqsima Marittima, isir kuljum u aktar minn darba.
Minkejja dan, il-“MANUĊĊA” diġà ntużat f’xi operazzjonijiet u li hu żgur hu li se sservi mitqlu deheb f’operazzjonijiet futuri.
Qal, “Bħala xogħol, intużat s’issa darbtejn – darba minnhom bħala base pump, meta l-lanċa tersaq mal-moll u nissupplixxu lit-trakkijiet tagħna bl-ilma baħar, għax ma kellhomx aċċess biex jiġu u jmorru, allura tajnihom l-ilma baħar. U kellna dgħajsa żgħira taqbad li rriżulta li ma ħdimniex bil-fire monitor, fil-fatt ħdimna bil-fire hydrant u solvejniha malajr.”