Fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex, ġie organizzat programm ta’ taħriġ bl-isem ta’ ‘Train the Trainer’ għall-membri eletti u amministrattivi tal-Gvern Lokali.
Dan it-taħriġ, li jagħmel parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Gvern Lokali, ipprovda informazzjoni u għarfien lill-membri eletti u amministrattivi biex jesegwixxu r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-prinċipji ta’ governanza tajba.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, saħqet fuq l-importanza li dawn il-ħaddiema jingħataw l-għodda meħtieġa biex jadattaw u jindirizzaw bl-aħjar mod l-isfidi u l-bżonnijiet li jiltaqgħu magħhom f’ħidmiethom.
Qalet, “Permezz ta’ dan il-programm, Train the Trainer, bdejna nwettqu u ninplimentaw dak li qed tgħidilna din il-viżjoni, b’mod partikolari dwar it-tema, ‘Governanza Tajba u Effettiva’.”
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Natalino Attard, spjega kif dan it-taħriġ sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-MCAST.
Qal, “Taħriġ li qed jiffoka fuq l-integrità u etika fuq il-post tax-xogħol, speċjalment għal dawk li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika u allura għal dawk li jaħdmu wkoll fil-Gvern Lokali f’Malta.”