Fl-aħħar sentejn, il-programm S.A.F.E., offrut mill-Aġenzija Sedqa biex jiggwida lill-kumpaniji u lill-impjegati tagħhom fejn jidħlu l-vizzji, għen lil madwar sitt elef impjegat, fi tliet mija u ħamsin sessjoni ma’ erbgħa u erbgħin kumpanija pubblika u tal-Gvern.
Dan il-programm joffri sessjonijiet informattivi lil min iħaddem u lill-impjegati dwar il-vizzji u l-kura personalizzata.
Is-suġġetti jinkludu l-alkoħol, id-drogi, il-logħob tal-ażżard, l-użu tat-teknoloġija, il-bullying fuq il-post tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, fost l-oħrajn.
Stephanie Mizzi Cascun, kordinatriċi għas-Servizzi Preventivi tas-Sedqa, spjegatilna aktar dwar il-kontenut ta’ dan il-programm.
Qalet, “Il-programm SAFE huwa programm li fih tmien sessjonijiet varji. Għandna sebgħa minnhom li huma indirizzati għall-impjegati tal-kumpanija, fejn qed noffrulhom life skills, ħiliet biex huma jkunu kapaċi jgħaddu mid-diffikultajiet tal-ħajja tagħhom bl-aktar mod san possibbli. Imbagħad għandna sessjonijiet partikolari li hija apposta għan-nies li qegħdin f’managerial position biex ikunu kapaċi jiggwidaw u jaraw fejn għandhom joffru s-sapport tagħhom lill-individwi li jkellmuhom, għax isibu diffikultà b’xi forma ta’ vizzju.”
Mill-erbgħa u erbgħin kumpanija li segwew il-programm fl-aħħar sentejn, disgħa marru pass oltre u saħansitra ħarġu b’politika u implimentawha biex jgħinu aktar lill-ħaddiema.
Qalet, “Aħna min-naħa tagħna, fis-sessjonijiet tas-SAFE naħdmu ħafna ma’ min iħaddem biex jimplimentaw politika li sservihom bħala gwida u ta’ sostenn ġaladarba jkollhom lil xi impjegat li jiġi għandhom għal xi tip ta’ diffikultà. Din tkun politika fejn qed tgħid, li jiena, bħala min qed inħaddmek, nista’ nissapportjak, inti tista’ timxi għal kura jew għal counselling jew social worker u psychologist session, fil-ħin tax-xogħol.”
Fl-aħħar jiem, dan il-programm rebaħ premju mill-Ministeru għall-Ekonomija bħala parti min-National Supporting Businesses Awards; bħala rikonoxximent għall-appoġġ li joffri lill-kumpaniji u n-negozji.
Dan il-premju mhux biss jixhed ix-xogħol mitqlu deheb li jsir mal-kumpaniji, iżda jixpruna lill-professjonisti jkomplu jaħdmu b’risq il-benessere tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Qalet, “Irbaħna s-Sessjoni A li hi apposta għall-kumpaniji li qegħdin joffru ħiliet partikolari f’businesses differenti u aħna dak huwa l-iskop tas-SAFE li noffru ħiliet lill-impjegati u lil min iħaddimhom.”
Il-kumpaniji interessati jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Sedqa fuq in-numru 23885110.