L-aħħar jiem kienu kkaratterizzati minn diżgwid u dwejjaq kbir fil-Partit Nazzjonalista wara l-attakk ta’ Kevin Cassar fuq id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd hekk kif spjegat li fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fl-aħħar jiem qamet diskussjoni taħraq wara li f’artiklu fil-Malta Independent, ħaten Beppe Fenech Adami fetħilha qatta bla ħabel kontra Borg.
Fil-Partit Nazzjonalista, ħafna ppretendew li jkun hemm xi forma ta’ solidarjetà. Ħassew li xi ħadd mill-Partit Nazzjonalista kellu joħroġ għonqu u jgħid li la jaqbel mal-kontenut u lanqas mal-istil personali li bih ġiet attakkata Rebekah Borg. Iżda, ħadd ma ħass li għandu jagħmel dan pubblikament minħabba li jibżgħu li huma wkoll jisfaw fil-mira tal-establishment Nazzjonalista.
Sorsi tal-KullĦadd sostnew li kien hemm min qal li saħansitra beża’ jagħmlilha mqar ‘like’ fuq ir-reazzjoni tagħha. Kien hemm oħrajn li qalu li ma kellhiex għalxiex teħodha bi kbira, għax li jgħajjarha b’dak il-mod hu dritt tiegħu u ma setgħux jikkritikaw lil Kevin Cassar. Inkella jkunu qed inaqqsulu mill-kredibbiltà għal meta jattakka lill-membri tal-Gvern, kif wara kollox hi l-missjoni tiegħu bħala parti mill-establishment li jmexxi u jinfluwenza t-tmexxija tal-PN.
Frustrata quddiem dan kollu, Borg marret tikteb fuq Facebook. Qalet li Cassar aħjar joħroġ u jitkellem ma’ iktar nies. Irreferiet ukoll għall-kritika li għamlilha għal pawżi li għamlet waqt intervista u Borg, li qed tistenna tarbija, qalet li fiċ-ċirkostanzi huma ġustifikati.
Minkejja dan, lil Cassar ma impressjonatux u qalilha biex tikber u taċċetta l-kritika. L-uniku esponent Nazzjonalista li kkummentalha kien David Thake li wkoll taha l-istess parir.
Ċittadini oħrajn kitbu kif nies bħal Cassar kissru lill-PN b’xi ħadd jikteb: “Dan Kevin Cassar ħsibtu ħa jikteb artiklu jew eloġju kif ħatnu Mikiel (referenza għal Michael Fenech Adami) reġa’ ġie l-aħħar għat-tieni darba infila fl-elezzjoni tal-Eżekuttiv. Imbagħad paragrafu żghir kif hu stess ħareġ għall-elezzjoni ġenerali u baqa’ l-art. U nota żgħira kif ħatnu l-ieħor (jiġifieri Beppe Fenech Adami) tilef distrett u naqqas 5,210 vot,” qal dan l-attivist.
F’paġna sħiħa fil-gazzetta, Kevin Cassar, li huwa magħruf sew għall-kitbiet ħorox tiegħu kontra l-esponenti tal-Gvern, ġab fix-xejn dehra ta’ Rebekah Borg fi programm fuq ir-radju tal-Knisja.
Hu qal lid-Deputata li qatgħet figura dipressanti u kienet totalment mhux ippreparata meta riċentament ġiet intervistata f’dan il-programm. Hu anke kkritikaha bl-aħrax ukoll għax din l-istess intervista tellgħetha fuq Facebook. Fi kliem ieħor, qalilha li, tant ma tifhimx li marret ħażin, li riedet turiha lil kulħadd