Is-Sibt f’ St Peter’s Port f’ Guernsey bdew uffiċjalment id-19-il edizzjoni tal-Interntional Island Games fejn għall-ewwel darba qed jipparteċipaw attleti Għawdxin. Din hija t-tielet darba li Guernsey qed jospitaw dan l-avveniment li ilu jsir mill-1985. L-aħħar darba li Guernsey organizza l-International Island Games kien propju 20 sena ilu.
F’din ċ-ċeremonja sar spettaklu ta’ kant fost il-briju ta’ aktar minn 2,200 atleta minn 24 gżira minn madwar id-dinja, numru kbir ta’ uffiċjali u voluntiera, kif ukoll parteċipazzjoni kbira mill-publiku. Minn dawn il-gżejjer spikkaw kontinġenti b’numru kbir ta’ parteċipanti bħal Isle of Wright, Ġibilta, Faroe Islands, Bermuda, u Cayman Islands. Kif huwa mistenni, il-kontinġent ta’ Guernsey li huwa l-akbar wieħed u ser ikun qed jiparteċipa fl-14-il sport. Il-kontinġent t’Għawdex b’40 atleta minn 7 sport differenti, kien immexxi minn Joyce Farrugia, Chairperson tal-Gozo Island Games, filwaqt li Kyria Attard u Giuseppe Borg żammew il-bandiera tal-gżira t’Għawdex. Il-qofol taċ-ċeremonja intlaħaq meta rapreżentanti ta’ kull gżira, fosthom l-Għawdxi David Dimech, xeħtu l-ilma miġjub mill-gżejjer rispetivi tagħhom fil-funtana tal-logħob, biex wara saret il-parata matul it-triq ewlenija tal-port.
Fi tmiem din iċ-ċeremonja, ċ-chairperson tal-Gozo Island Games Joyce Farrugia espremiet sodisfazzjoni kbir li din il-ħolma tal-isportivi Għawdxin saret realta wara ħidma kbira tul l-aħħar sentejn.
Id-direttur tekniku tal-Gozo Island Games Kevin Azzopardi f’din l-okkazzjoni tkellem dwar l-importanza ta’ dan l-avveniment storiku għall-isport Għawdxi.