L-aġenzija Infrastructure Malta għaddejja b’xogħlijiet fuq il-proġett ta’ titjib tas-sigurtà tul iż-żewġ karreġġjati tal-Bypass tal-Imrieħel u t-titjib tal-junction eżistenti li twassal għall-qasam Industrijali.
F’dan il-proġett se jkunu introdotti sistemi ta’ kontroll ta’ vetturi li jtulu 4.5 kilometri fuq iż-żewġ naħat tat-triq.
Il-culverts miftuħa tul il-karreġġjata li tieħdok lejn in-nofsinhar ġew imsaqqfa u fuqhom ġew introdotti 800 metru ta’ mogħdijiet ġodda.
Infrastructure Malta qed tibdel u ttejjeb ukoll mad-940 metru ta’ pajpijiet biex ittaffi l-problemi ta’ għargħar f’din iż-żona. Permezz ta’ dan il-proġett, se jsiru wkoll mill-ġdid l-uċuħ tat-toroq taż-żewġ karreġġjati fil-bypass tal-Imrieħel.
Wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tqaxxir tal-asphalt preżenti, t-triq se terġa’ ssir b’żewġ tipi partikolari t’asfalt, waqt li se tkun installata sistema ġdida ta’ dawl fit-toroq fuq iż-żewġ naħat flimkien ma’ sinjali ġodda tul il-bypass.
Fl-istess ħin, Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid it-triq biswit il-Bypass tal-Imrieħel, fejn anki se jsir installazzjoni ta’ storm water culverts.
“U għamilna sistema ta’ storm water li hija area li kienet tbati, meta kien ikun hemm ammont ta’ xita u ħadna l-opportunità li ntejbu din is-sistema biex innaqsu l-inkonvenjent u l-pressjoni ta’ dawn l-ilmijiet mill-akwati.”
Ivan Falzon, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta