Ġie inawgurat xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fil-Knisja tal-Fgura, permezz ta’ kollaborazzjoni li saret bejn l-aġenzija Komunità Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Hawnhekk sar xogħol tant meħtieġ fuq il-faċċata u s-soqfa tal-knisja, li kellhom bżonn attenzjoni immedjata.
Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fiż-żebgħa tal-faċċata kollha tal-knisja mill-ġdid, kif ukoll sar liquid membrane fuq is-soqfa.
Dan ix-xogħol jikkumplimenta xogħol ieħor li wkoll ġie konkluż fl-aħħar ġimgħat, fejn b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Fgura ġie rranġat il-konkos difettuż li kien hemm fil-pedamenti tal-knisja, kif ukoll ġiet miżbugħa l-knisja minn ġewwa.
Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli u l-Kappillan tal-Fgura Fr Raymond Calleja laqgħu dan l-investiment.
“Huwa ta’ sodisfazzjon għalina bħala Kunsill Lokali li ġejna involuti f’dan il-proġett illi għal tul dawn l-aħħar snin, li kien mitlub biex isir.”
“Bl-għajnuna ta’ Alla rrangajniha, illum għandna l-Knisja veru pulita kemm minn barra u kemm minn ġewwa u adaddata għaż-żminijiet tal-lum.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri tenna li l-għajnuna u x-xogħlijiet fuq knejjes bħal dik tal-Fgura huwa importanti biex ikun assigurat li l-qalba tal-irħula u l-ibliet jkunu mħarsa u msebbħa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi Stefan Zrinzo Azzopardi qal li bħala Gvern impenjat biex ir-riżorsi kollha disponibbli, inkomplu naħdmu biex ikunu kkonservati il-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna.