Jinsabu fl-aqwa tagħhom l-aħħar tħejjijiet għall-kunċert tal-Ħadd, tal-Orkestra tal-BBC fuq il-Fosos tal-Furjana.
Għar-raba darba, din is-sena f’dan il-kunċert se jiġu ppreżentati uħud mill-aqwa suċċessi mużikali mid-dinja tal-films fl-okkażjoni tal-100 anniversarju minn meta twaħħlet it-tabella ikonika ta’ Hollywood f’Los Angeles l-Istati Uniti.
Dan il-kunċert ’il quddiem se jkun qed jixxandar ukoll fuq BBC Radio 2, fir-Renju Unit. Dan se jservi ta’ vetrina għal aktar minn 14-il miljun semmiegħ li jsegwuh.
Wieħed mill-organizzaturi tal-kunċert Jason Carter stqarr li fost is-siltiet, li se jkopru 100 sena ta’ ġeneri differenti mid-dinja tal-films wieħed se jitpaxxa minn films tal-era ta’ Fred Astaire sal lum il-ġurnata bħal films Top Gun Maverick. It-taħlita ta’ kapolavuri mużikali, tinkludi wkoll suċċessi fosthom mill-films ta’ Disney, Indiana Jones, La La Land, Ghostbusters u Gone With The Wind. Dawn u oħrajn se jkunu fost l-ingredjenti tal-lejla fenominali tal-BBC Orchestra in Concert.
lċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia fisser magħna xi tfisser din il-kollaborazzjoni u l-iskop tagħha.’
“Kelma waħda l-BBC. Naħseb hija suffiċċjenti biex wieħed jifhem kemm huwa importanti dan il-kunċert, għaliex qegħdin nagħmluha ma’ brand internazzjonali , ta’ fama mondjali u allura meta għandek il-BBC 2 imsieħba miegħek int taf li se tolqot udjenza globali mhux biss Ewropeja, u jasal aktar il-messaġġ tal-MTA u jġib aktar viżibilità għal Malta.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tkellem b’ mod posittiv ferm dwar il-kunċert li issa sar parti mill-kalendarju sajfi ta’ pajjiżna.
“Dan il-kunċert tal-BBC Orchestra li issa daħal fir-raba sena tiegħu qed jara attività oħra ta’ kwalità tittella’ fuq il-Fosos tal-Furjana. Kunċert tal-għola livell li se jkun qed jiċċelebra il-mitt sena ta’ Hollywood u fl-istess waqt se jkun qed jirreklama lil pajjiżna lil hinn minn xtutna ma’ xejn inqas minn 14-il miljun ruħ li jisimgħu il-BBC Radio 2. Dan se jgħaqqad il-mansjoni kollha tal-MTA, dik li norganizzaw attivitajiet ta’ kwalità hawn Malta imma l-aktar importanti huwa li nagħmlu l-marketing neċessarju għal pajjiżna lil hinn minn xtutna biex inkomplu niksbu s-suċċess turistiku għall-pajjiżna.’