Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu diskussjoni maż-żgħażagħ dwar diversi suġġetti ta’ importanza nazzjonali, fosthom dwar l-enerġija rinovabbli, l-ambjent, in-nisa fil-politika, l-ippjanar u t-turiżmu, fost oħrajn.
Dawn iż-żgħażagħ huma kandidati prospettivi għat-twaqqif tal-ewwel Youth Advisory Forum, li kien tħabbar l-ewwel darba mill-Prim Ministru nnifsu waqt laqgħa speċjali tal-Kabinett fl-MCAST f’Raħal Ġdid.
Qal, “Nemmen li hemm element wieħed li qed jgħaqqadna llejla, dak li kollha kemm aħna nemmnu li bil-modi diversi tagħna nistgħu ntejbu l-futur ta’ dan il-pajjiż, li kollha kemm aħna għandna x’nikkontribwixxu għal pajjiżna u bl-ideat tagħna u bl-attiviżmu tagħna nistgħu ntejbu l-qagħda tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Matul din il-laqgħa, iż-żgħażagħ tkellmu dwar suġġetti oħrajn, bħas-saħħa mentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-intelligenza artifiċjali, id-drittijiet ċivili u l-ippjanar.
Dwar l-ippjanar, Dr Abela saħaq li, bit-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA, qed jiddaħħlu standards ġodda kif ukoll iktar infurzar. Dan filwaqt li, għall-ewwel darba, qed tkun implimentata r-riforma tal-liċenżjar tal-kuntratturi. Kwistjonijiet oħrajn li tqajmu ttrattaw, fost oħrajn, riformi ġudizzjarji, it-trasport u l-anzjani.
Il-Prim Ministru rringrazzja liż-żgħażagħ talli ħadu l-ewwel pass u ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għall-Youth Advisory Forum, filwaqt li saħaq li r-rieda tal-Gvern u tagħhom li jaraw lil pajjiżna miexi ’l quddiem, tgħaqqadhom ilkoll flimkien.
Qal, “Illi jkollna vuċijiet li jiskussjawna, li jkollna min jisfidana bl-ideat. Li dak li tradizzjonalment inqisuh bħala l-istatus quo, forsi, ikun hemm min jgħidilna tistgħu tagħmluhom aħjar jew differenti l-affarijiet jew għamluhom kompletament bl-oppost ta’ dak li għamiltu llum u minn hemmhekk ġie dan il-ħsieb li noħolqu dan il-forum li mhux se jkun wieħed kożmetiku, imma se jkun wieħed li verament se jkollu effett reali.”
Din il-laqgħa mal-Prim Ministru serviet ta’ opportunità għall-applikanti tal-Youth Advisory Forum, li għandhom bejn is-16 u l-35 sena, li jsemmgħu leħinhom u jaqsmu l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar Malta.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li l-pass li jmiss issa hu li jintagħżlu tmien applikanti biex flimkien mar-rappreżentanta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Michaela Vassallo, jifformaw l-ewwel grupp tal-Youth Advisory Forum.
Dawn se jintagħżlu minn kumitat tal-għażla, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-Youth Advisory Forum se jibda jkollu laqgħat regolari mal-Prim Ministru għal terminu ta’ tmintax-il xahar, li matulhom jagħtu pariri lill-Gvern fuq liġijiet, strateġiji u pjani li jkunu qed jiġu diskussi lokalment jew fuq livell internazzjonali.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.