Fi tliet snin applikaw aktar minn 500 persuna għall-iskema tad-depożitu, b’investiment ta’ €6 miljun
Ħabbar dan il-Gvern wara li fl-aħħar xhur, permezz tal-Awtorità tad-Djar, estenda l-iskema tad-depożitu, billi l-massimu ta’ self mingħajr imgħax fuq id-depożitu lill-first-time buyers żdied għal €22,500.
Fil-fatt, l-Awtorità tad-Djar u l-Bank of Valletta (BOV) iffirmaw ftehim biex iktar nies ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-proprjetà u jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li, minn meta daħlet fis-seħħ din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar investiet aktar minn €6 miljun biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Ministru żied jgħid li din l-iskema qiegħda tassisti u tagħti imbuttatura ’l quddiem lil firxa wiesgħa ta’ nies, minn żgħażagħ li baqgħu jistudjaw u jixtiequ jsiru sidien tal-ewwel proprjetà, għal individwi li għandhom inqas minn 40 sena.
Qal, “Diġà hemm madwar 500 applikazzjoni, filwaqt li wkoll diġà investejna madwar €6 miljun f’din l-iskema nnifisha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li din l-iskema u skemi oħrajn mill-Awtorità tad-Djar, qed jgħinu liż-żgħażagħ f’mument importanti fil-ħajja tagħhom.
Qal, “Rajna li bħala Gvern nassoċjaw ruħna ma’, f’dan il-każ il-BOV, bank ieħor li qed jipparteċipa f’din l-iskema li qed nagħmluha ħafna iktar affordabbli li dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.”
Din l-iskema hija waħda minn bosta skemi offruti mill-Awtorità tad-Djar biex aktar żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom. Fosthom l-iskema New Hope, li qed tagħti tama lil dawk li ma kienx jirnexxielhom jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja minħabba mard jew kundizzjonijiet mediċi, isiru sidien ta’ darhom; l-iskema equity sharing; u l-iskema li qed tagħti €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin lill-first-time buyers.