Raymond Barbara, ta’ wieħed u sittin sena minn Birkirkara ntbagħat il-ħabs għal erba’ snin u tliet xhur, talli abbuża sesswalment tifel fil-bajja tal-Mistra.
Il-każ seħħ ilbieraħ u fil-Qorti ġie spjegat li l-Pulizija tal-Qawra rċevew telefonata minn omm it-tifel, li ddikjarat li waqt li kienu fil-bajja tal-Mistra mal-familja, raġel kbir fl-età kkommetta att indiċenti fuq binha.
Aktar tard, it-tifel qal lill-Pulizija li xi ħadd li ma kienx jaf, kien qed jitkellem m’ommu u man-nanna u anki mar ħdejhom waqt li kienu qed jgħumu.
Meta sar il-ħin biex jitilqu, ir-raġel tefa’ lit-tifel ma’ karozza pparkjata, biesu fuq xufftejh u fuq sidru, u tah karta tal-flus ta’ għaxar ewro, li fuqha kien hemm nota biex jekk ikollu bżonn il-flus, jgħidlu.
Apparentament, it-tifel kien qed ifaddal biex jixtri GoPro.
Is-suspettat instab mill-Pulizija u tressaq il-Qorti llum, akkużat li abbuża sesswalment minn tifel ta’ taħt is-sittax-il sena, u li kkommetta attijiet sesswali mingħajr kunsens.
Ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih minkejja li l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, tatu l-ħin biex jikkunsidra.
Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, il-Qorti ordnat ukoll li isem ir-raġel jitniżżel fir-Reġistru tal-Pedofeli.