F’partita mill-isbaħ fic-Centenary Stadium, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-19 il-sena ġie megħlub mill-Polonja 2 – 0 f’partita oħra mill-Kampjonati Ewropej tal-stess kategorija.
It-tim nazzjonali Malti kellu prestazzjoni ħafna aħjar mill-ewwel partita kontra l-Italja fejn saħansitra għal xi ħinijiet kien it-tim Malti li kellu azzjonijiet ta’ periklu u anke beda jiddetta l-partita.
Malta kella żewġ opportunitajiet ta’ deheb fl-ewwel taqsima minn free-kicks ta’ Bridgman bil-Pollakki jeħilsuha ħafif. Il-Polonja lagħbu għal ħin twil b’plejer anqas meta Wiktor Matyjewicz tkeċċa fil-22 minuta għat-tieni karta safra.
L-ewwel taqsima intemmet 0 – 0.
Ma’ kważi siegħa logħob, il-Polonja, minkejja b’plejer inqas, irnexxilhom jmorru fil-vantaġġ permezz ta’ Igor Strzalek bit-tim Malti jispiċċa jilgħab b’10 plejers ukoll sekondi biss wara hekk kif tkeċċa Dylan Caruana preċiżament fil-61 minuta.
Il-Maltin komplew jippruvaw madanakollu l-Pollakki għamlu ċert mit-tlett punti għaxar minuti mit-tmiem meta għalihom skorja Tomasz Pienko biex għamel l-skor finali 2 – 0.
Aktar kmieni llum l-Portugall għelbu lill-Italja 5 – 1.
Malta terġa tkun fl-azzjoni nhar il-Ħadd li ġej fil-Gozo Stadium kontra l-Portugall.
Ritratt: Domenic Aquilina