Lejn l-aħħar ta’ Lulju, Ħal Għaxaq se jerġa’ jkun qiegħed itella’ l-erbgħa u għoxrin edizzjoni tal-Għaxaq Music Festival mill-Għaqda Mużikali Santa Marija Ħal Għaxaq.
L-ispettaklu se jkun maqsum fuq jumejn b’żewġ kunċerti bis-sehem ta’ diversi artisti lokali kif ukoll oħrajn ta’ fama internazzjonali.
Il-grupp ‘The Wailers’ se jkun l-attrazzjoni prinċipali tal-kunċert mtella’ l-Ħamis 27 ta’ Lulju.
Fil-fatt il-grupp magħruf għall-mużika Reggae tas-snin sebgħin se jkun qiegħed iżur pajjiżna f’tour li se jkun qed jagħmel fosthom fl-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Greċja.
Il-grupp se jkun eskortat minn diversi bikers li huma mistiedna għal din l-inizjattiva.
L-istess kunċert se jara wkoll is-sehem ta’ Mark Micallef Costa & Band, id-DJ Jonathan Gonzalez u DJ Malti JJoy fost l-oħrajn.
Jumejn wara, jiġifieri s-Sibt 29 ta’ Lulju l-kunċert se jkun qiegħed jilqa’ fih lil Marco Masini, li rebaħ darbtejn il-Festival Taljan San Remo.
Masini se jżur pajjiżna waqt li qed jagħmel tour għat-tletin anniversarju tad-diska T’Innamorerai.
Fl-istess kunċert miegħu se jkunu qegħdin jingħaqdu l-kantant lokali Kurt Calleja u d-DJs Pierre Cordina u DJ Sue.
Iċ-Chairman ta’ Għaxaq Music Festival, Francois Pace stqarr ma’ dan l-istazzjon kif dan il-festival li beda fl-1999, kiber grazzi għall-investiment li qiegħed isir fih u fin-nies li jagħmlu dan il-festival uniku possibbli.
Huwa qal li, “Emmina f’inha nfusna, investjna fih, ħdimna ħafna u llum il-ġurnata bis-saħħa ta’ dak l-investiment li għamilna kemm fin-nies, kemm f’network ta’ ħaddiema u l-voluntiera kollha li jkunu magħna, għaliex it-tim hwa ferm ikbar minn dawk li qegħdin hawnhekk, bqajna nagħtu ħilitna biex wasalna fejn wasalna.”
Huwa appella wkoll lill-pubbliku biex jattendi u jgawdi dan l-ispettaklu.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici ddeskriva dan l-avveniment bħala wieħed li juri b’mod ħaj is-sens ta’ altruwiżmu hekk kif għaqdiet volontarji qegħdin jaħdmu għall-ġid tas-soċjetà.
Bonnici tkellem ukoll dwar l-importanza tas-sostenn li jagħtu lil dawn l-inizjattivi l-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta.
Il-Ministru Bonnici spjega li, “Aħna minn naħa tal-Ministeru tagħna bl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, qegħdin nagħtu s-sapport finanzjarju biex ikunu jistgħu jittellgħu dawn iż-żewġ avvenimenti b’saħħithom illi żgur se jinżlu għasel ma’ min iħobb il-mużika Taljana, Reggae u anki dik Maltija.”
Id-dħul ġenerali għall-kunċerti huwa b’xejn iżda l-pubbliku huwa mħeġġeġ li jagħti donazzjoni għall-għaqda volontarja Embrace Diversity li toffri għajnuna u terapija lil madwar sebgħin tifel u tifla li għandhom diżabbiltà severa.
Dan filwaqt li minn fuq is-sit elettroniku showshappening.com wieħed jista’ jikseb biljetti VIP.