Waqt spezzjonijiet l-Erbgħa filgħaxija, Transport Malta ħarġet tmienja u erbgħin kontravenzjoni fuq vetturi li għandhom il-pjanċi tar-reġistrazzjoni partikolari magħrufin bħala Y-plates, flimkien ma’ 13-il konvenzjoni fuq vetturi privati.
Dawn il-kontravenzjonijiet ħarġu waqt żewġ road blocks li l-uffiċċjali ta’ Transport Malta għamlu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar biex tkun żgurata sigurtà fit-toroq, waqt li jiġu osservati r-regolamenti tat-traffiku.
Fl-ewwel roadside inspection, ġew spezzjonati 155 vettura bil-Y Plate kif ukoll numru oħrajn ta’ vetturi privati. Hawn inħarġu 30 kontravenzjoni.
Fit-tieni spezzjoni, twaqqfu diversi vetturi oħrajn, li kienu jinkludu 46 vettura bil-Y Plate. Hawnhekk saħansitra ġew irmonkati żewġ karozzi minħabba ksur ta’ regolamenti, waqt li ġie kkonfiskat wkoll escooter.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, Jonathan Borg, spjega l-importanza li kull sewwieq jirrispetta r-regolamenti tat-traffiku kemm għall-benefiċċju tagħhom kif ukoll għal oħrajn.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta żied jgħid li spezzjonijiet fit-triq għandhom rwol kruċjali biex jiġu identifikati s-sewwieqa li qed jiksru r-regolamenti tat-traffiku.