F’Mejju li għadda, ir-rata tal-qgħad ta’ pajjiżna baqgħet ta’ inqas minn elf persuna u kompliet tinżel imqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dan ħareġ mill-aħħar ċifri relatati ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li mmarkaw kif in-numru ta’ persuni jirreġistraw mal-JobsPlus kien ta’ 916-il persuna.
Minn din l-istatistika ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis ta’ 45 persuna, meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.
70% ta’ dawk fuq ir-reġistru tal-qgħad kienu rġiel, bl-akbar ammont minnhom – total ta’ 309 – irreġistrati fil-faxxa li għandhom minn 45 sena ’l fuq.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li n-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol naqsu wkoll bi 18-il persuna oħra mqabbel mal-istess perjodu sena qabel, hekk kif issa jgħoddu għal 224 persuna.
Minkejja l-isfidi internazzjonali ta’ bla preċedent li hawn bħalissa, pajjiżna xorta rnexxielu mhux biss irażżan il-qgħad iżda wkoll jirreġistra l-inqas rata baxxa fl-istorja.
Sadanittant anke, skont l-aħħar tbassir ekonomiku għar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea li wkoll ħareġ f’Mejju, din ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tibqa’ taħt kontroll u waħda mill-aħjar mill-Unjoni Ewropea.