EyeCon hi invenzjoni ġdida li se tippermetti lil dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ mobilità u anke ta’ komunikazzjoni biex iwasslu messaġġi bl-użu ta’ għajnejhom.
Il-proġett EyeCon ġie riċerkat u mwettaq b’kollaborazzjoni bejn inġinieri mill-Università ta’ Malta u kumpanija tas-software lokali, 1888 Limited, b’fondi mogħtija mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) taħt il-Fusion Technology Development Programme.
It-tim li ħadem fuq dan il-proġett irnexxielu joħloq sistema li kapaċi tikkomunika billi sempliċiment tirrekordja l-qawwa u d-direzzjoni tal-għajnejn.
Dan b’differenza ta’ eye-gaze trackers oħrajn, li preżentament jinsabu fis-suq u li jagħmlu użu minn kameras jew dawl infrared u li jekk użati fit-tul kapaċi jtaqqlu l-għajnejn ta’ min juża l-apparat.
Dr Tracey Camilleri, li kienet il-kordinatriċi tal-proġett EyeCon, qalet li huma ferm kuntenti bir-riżultati li kisbu bħala grupp. Hija spjegat li r-riċerka estensiva li għamlu bħala grupp wasslet biex jinħoloq mudell differenti u aktar ekonomiku minn eye-gaze trackers oħrajn li jinsabu fis-suq.
Hija spjegat li, “Il-proġett EyeCon kien jikkonsisti fil-kontroll tal-applikazzjoni fuq il-kompjuter permezz ta’ movimenti tal-għajnejn. Aħna, bħala iġiniera, żviluppajna algorithm intelliġenti li kapaċi jipproċessaw is-sinjali elettriċi li jiżviluppaw l-għajnejn meta jiċċaqilqu.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti laqa’ dan il-proġett u qal li riċerka bħal din li qed issir f’Malta tista’ wkoll tħalli impatt f’pajjiżi oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari qal li “Eyecon li ġie żviluppat mill-Università ta’ Malta, bis-sħubija mas-settur privat, u dan kollu kien possibbli għal fondi li ngħataw mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija permezz tal-Programm Fusion.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, tenna li l-kunsill dejjem emmen bis-sħiħ fl-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li jwassal għal aktar avvanzi f’diversi setturi lokali. Hu enfasizza l-importanza ta’ aktar kollaborazzjoni bejn is-settur akkademiku u l-industrija lokali li jwasslu għal titjib fis-servizzi offruti u biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.