Ġew approvati u se jidħlu fis-seħħ regoli ġodda għal min irid jikkwalifika għall-Y-Plates u l-Y-Tags, biex ikun jista’ joffri servizz ta’ cabs.
Dawn ir-regoli jingħaqdu ma’ oħrajn li tħabbru ftit tal-ġimgħat ilu biex jirregolaw aħjar lis-settur.
B’effett immedjat, xufiera minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, iridu japplikaw biex jiksbu jew iġeddu l-permess ta’ xufier u t-tag biex isuqu cab bil-Y Plate, u jkollhom liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Malta jew minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur tat-Taqsima tal-Liċenzjar fit-Triq ta’ Transport Malta, Vince Micallef Pulè, spjega kif dawn il-persuni mhux se jibqgħu jikkwalifikaw għat-tag biex isuqu karozzi żgħar Y-Plate bil-liċenzja ta’ pajjiżhom.
Qabel, dan kien permess għal perjodu ta’ sena sakemm tinkiseb liċenzja ta’ Malta jew ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Iżda issa, it-tag se jikkwalifika għaliha biss min ikollu liċenzja ta’ Malta jew minn xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Qal, “Fejn inti għandek miżuri li jolqtu direttament is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri, għandhom jidħlu b’effett immedjat, u qed nirreferi għall-miżura li, minbarra r-rekwiżiti l-oħra li xufier għandu jkollu biex ikun jista’ jopera f’dan il-qasam, fosthom kondotta tajba, li jrid jagħmel kors addattat biex ikun jista’ jkollu tag, però jrid ikollu wkoll liċenzja maħruġa jew minn Malta jew minn kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.”
Apparti din il-bidla, b’effett mis-sbatax ta’ Lulju, se jinbidel il-kors u jsir kurrikulu ġdid għall-ittestjar bħala parti mill-proċess biex xufier jikseb il-permess u t-tag biex jaħdem.
Se jintensifikaw ukoll l-ispezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar biex jiġi żgurat li l-karozzi Y-plates jinżammu f’kundizzjoni ta’ manutenzjoni tajba u diċenti.
Mit-tlieta u għoxrin ta’ Lulju, l-operaturi jridu jipprovdu rapport maħruġ minn perit bis-site plan tal-garaxx li fih iridu jipparkjaw il-vetturi tagħhom meta ma jkunux qed jintużaw. Dan irid isir kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja.
Mit-tlieta u għoxrin ta’ Lulju wkoll, ix-xufieri se jkollhom ċans jipparkjaw f’kaxxi bojod għal massimu ta’ siegħa mingħajr ma jkunu mal-vettura.
Qal, “Il-vettura suppost tirritorna lura fil-garaxx tagħha wara l-booking imbagħad terġa’ toħroġ mill-garaxx meta jsir booking ieħor. Naturalment nafu li, bir-realtajiet tal-lum, din mhix miżura sostenibbli għal dan is-settur bil-mod kif isiru l-bookings fuq il-platforms, ma tistax tippretendi li x-xufier ħa joqgħod jirritorna lura għal kull booking li jkollu, u allura qed nagħtu l-possibilità lix-xufiera f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom b’mod legali fit-triq waqt li jkunu qed jistennew booking.”
L-awtoritajiet mhux biss qed idaħħlu dawn ir-regoli, iżda qed iżidu wkoll l-isforzi tagħhom fejn jidħol l-infurzar.
Dan kollu qed isir bħala parti minn riforma sħiħa fis-settur, li bdiet sentejn ilu, u li rat il-flotta f’dan is-settur tirdoppja fl-aħħar erbgħa u għoxrin xahar.
Qal, “Irridu nkomplu nħallu dan is-settur ikun sostenibbli, imma fl-istess ħin niżguraw is-sigurtà kemm tal-passiġġieri kif ukoll l-immaniġjar tat-traffiku fit-toroq tagħna.”
Dawn il-bidliet se jirregolaw cabs li jġorru sa tmien passiġġieri.
Intant, se jsiru wkoll diskussjonijiet u konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati biex mill-elfejn u ħamsa u għoxrin, kull karozza rreġistrata ġdida bħala Y-Plate, tkun elettrika.