Sad-19 ta’ Lulju li ġej il-poplu hu mħeġġeġ jissottometti nominazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-Animal Honours Awards li se jkunu qed jittellgħu f’Ottubru li ġej.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li, bħala l-akbar ħabib tal-bniedem, hu xieraq li ssir ċelebrazzjoni ta’ mħabba lejn annimali tagħna.
Qal, “Jien naħseb li hekk qegħdin nagħtu rikonoxximent, l-ewwel nett lill-annimali tagħna, kemm iferrħuna, u t-tieni nett ukoll ngħidu grazzi lill-Animal Welfare, lill-NGOs, il-cat feeders u dawk kollha li jaħdmu bla ħlas favur l-interess tal-annimali u fl-istess ħin dawn l-Animal Awards iservu biex nedukaw lill-poplu, speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li s-sena li għaddiet, il-Ministeru kien irċieva mal-450 nominazzjoni. Din is-sena issa se jkomplu jiġu ċċelebrati l-annimali, il-voluntieri, il-ħaddiema u dawk kollha li b’xi mod jagħtu l-għajnuna tagħhom f’ġieħ l-annimali.
Qalet, “Hija ġurnata fis-sena l-Animal Awards, imma tfisser ħafna, tfisser ħidma 24/7 li jagħmlu dawn il-voluntieri. Jiena nappella lil diversi persuni biex jitfgħu n-nominazzjonijiet tagħhom, ħalli f’Ottubru proprju nħabbru diversi rebbieħa li se jkollna din Is-sena.”
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, saħqet li ta’ kuljum tisma’ b’diversi stejjer ta’ moħqrija fuq l-annimali u għalhekk il-Malta Animal Awards iservu ta’ arma li biha nistgħu niġġieldu n-negattività ta’ kuljum.
L-għan tal-Malta Animal Awards fl-aħħar mill-aħħar hu li nġeddu t-tama u niċċelebraw il-ħidma ta’ tant voluntieri u ħaddiema favur l-annimali tagħna.