Mal-mument li jkun hemm skema li tgħin lin-nies, il-Partit Nazzjonalista juri l-vera kuluri tiegħu u jara kif joħroġ kontra tagħha.
Hekk qal il-Partit Laburista fi stqarrija wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ qatta bla ħabel jgħid li l-għotijiet li qed jingħataw mill-Gvern biex jinxtraw il-propjeta m’humiex biżżejjed.
L-istqarrija spjegat li huwa ironiku kif appena aktar minn 2,600 first-time buyer, li xtraw il-proprjetà fl-2022, irċivew l-ewwel pagament ta’ €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jikkritika din l-għotja.
Il-Partit Laburista spjega li din l-għotja li se tingħata lill-first time buyers kollha kif imwiegħed fil-manifest elettorali wara li jkunu diġa’ xtraw il-proprjetà u ħadu s-self fuqha, iġġib fix-xejn l-argumenti li għamel il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu.
L-istqarrija temmet tgħid li Gvern Laburista introduċċa diversi skemi li jgħinu biex in-numru ta’ nies li jsiru sidien ta’ darhom jiżdied għal erba u erbgħin elf persuna mill-elfejn u tlettax ‘il quddiem, xhieda kif huwa biss dan il-Gvern li għandu l-kredibilta f’dak li għandu x’jaqsma ma dan is-settur.