Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, sede Kostituzzjonali, ċaħdet li għalissa l-Maġistrat Gabriella Vella tirrikuża ruħha mill-inkjesta li tirrigwardja l-konċessjoni tal-isptarijiet, bid-deċizjoni finali tittieħed aktar tard dan ix-xahar.
Id-deċiżjoni temporanja ngħatat ftit tal-ħin ilu mill-Imħallef Doreen Clarke wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien fetaħ kawża kostituzzjonali fejn allega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
Ix-xahar li għadda, fix-xhieda tiegħu, Dr Muscat aċċenna għal kummenti li għaddew il-qraba tal-Maġistrat Inkwirenti fuq l-istess materja u suġġetti li kienet qed tinvestiga hi stess b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
F’żewġ digrieti li tat, l-Imħallef Clarke ċaħdet ukoll it-talba tal-għaqda Repubblika u l-President tagħha Robert Aquilna biex jintervjenu f’din il-kawża, waqt li rrifjutat ukoll li l-kawża tinstema’ b’urġenza, ladarba sostniet li l-proċeduri tal-Qorti fihom infushom jiddettaw dan.
Repubblika u Aquilina, permezz tal-Avukat tagħhom Jason Azzopardi, kienu għamlu t-talba biex jintervejnu fil-proċeduri messqa minn Dr Muscat.
Kemm l-Avukat tal-Istat kif ukoll l-Avukat Charlon Gouder, li deher għal Joseph Muscat, irribatew din it-talba minħabba l-fatt li l-għaqda u l-president tagħha ma kellhom l-ebda interess ġuridiku biex jitħallew jieħdu sehem fil-kawża.
Il-Qorti qablet dwar dan u ċaħdet it-talba ta’ Repubblika.
Minħabba n-natura tal-kawża, il-Qorti aġġornat għall-20 ta’ Lulju li ġej biex dakinhar jitressqu l-provi min-naħa ta’ Dr Muscat.