Żagħżugħ ta’ 25 sena ndarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-bypass tal-Imrieħel għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu.
Kontra l-perċezzjoni li ngħatat, il-Pulizija kkonfermat li ma kien hemm l-ebda vettura li kienet qed tinstaq fuq il-karreġġjata l-ħażina.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li Indjan ta’ 23 sena li joqgħod il-Fgura, kien qiegħed isuq Toyota Yaris Cross, tilef il-kontroll u ħabat ġo arblu.
Konsegwentement, il-vettura marret fuq il-karreġjata opposta u seħħet ħabta bejn il-vettura u mutur Keeway, li kien qed jinstaq minn Indjan ta’ 25 sena residenti Ħal Safi.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u x-xufier tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja