Nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Lulju, il-Palazz tal-Girgenti se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku għal serata mill-isbaħ ta’ mużika mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-kunċert A Night at the Palace.
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, saħqet li l-mużika tgħaqqad lil kulħadd u għalhekk tixtieq li kulħadd jattendi għal serata ta’ mużika li tolqot il-gosti varji.
Dr Abela saħqet li din hi t-tieni edizzjoni ta’ dan l-avveniment bil-għan nobbli li jinġabru fondi b’risq l-annimali abbandunati u l-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu qatigħ fil-qasam.
“Fit-12 ta’ Lulju se niftħu l-bibien ta’ dan il-Palazz fil-Girgenti biex nistiednu lill-pubbliku jattendu għall-kunċert mużikali mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bl-isem ta’ A Night at the Palace. Il-biljetti jistgħu jinġabru nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej bejn id-9:00 u l-12:00pm mill-Berġa ta’ Kastilja. Qed nistiednu lill-pubbliku għal din il-lejla spettakkolari fejn fl-istess waqt se jkunu qed jgħinu lil dawn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu qatigħ fil-qasam tal-annimali.”
Id-Direttur Artistiku tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Christopher Muscat, spjega kif il-lejla se tkun imżewqa b’mużika mill-isbaħ, kemm Maltija kif ukoll internazzjonali, u hu ta’ unur għalih u l-Orkestra li jkunu parti minn dan il-kunċert.
“Se joffri għażla varjata ta’ mużika fejn se jagħti l-opportunità Ii nimbuttaw ’il quddiem dak li huwa Malti. Tajjeb li nfakkru li din is-sena huwa l-mitt anniversarju mill-mewt u mit-twelid ta’ żewġ persuni importanti fil-qasam mużikali u hu tajjeb li nfakkru proprju dan. ”
Is-serata, li qed issir wara waqfa ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, hi b’xejn, iżda min irid jista’ jagħti donazzjoni b’riżq l-annimali.