Tħabbret il-mewt, tal-attur Ray Bone, wiċċ rinomat ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-dinja tat-televiżjoni lokali.
Minbarra l-karriera tar-reċtar, f’żgħożitu, Ray kien ukoll jilgħab il-football mat-tim Valletta FC, liem tim baqa’ għal qalbu tul ħajtu kollha.
Tul is-snin, Ray interpreta karattri minn fost l-aktar serje favoriti mal-Maltin, fosthom Evanġelisti, Deċeduti, u One Star Hotel.
Hekk kif tħabbret il-mewt tiegħu, kienu bosta li sellmu l-memorja tiegħu, fosthom diversi atturi li ħadmu miegħu tul is-snin.
Mhux biss kellhom kliem ta’ tifħir għall-kapaċità li kellu, sabiex iqaxxar kull karattru li ġie fdat bih, iżda wkoll għall-kwalitajiet sbieħ u l-valuri li kien iħaddan.
Ġie deskritt bħala karattru ferrieħi, dejjem bi tbissima fuq wiċċu, li dejjem joħloq il-ferħ u jxerred l-armonija u l-imħabba, ikun fej ikun.
Il-funeral ta’ Ray Bone se jsir nhar it-Tlieta, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, fit-tlieta u nofs. Intant, is-sentiment fost il-poplu kien wieħed komuni. Ix-xena taċ-ċinema Maltija tilfet attur mill-aqwa.