L-emendi legali fil-kodiċi kriminali mħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa, maħsuba biex isaħħu l-libertà tal-espressjoni artistika f’pajjiżna, mhux biss se jsaħħu d-dritt tal-libertà lill-artisti, iżda se jagħtu aktar viżibilità lill-professjoni tal-artist.
Dan is-senstiment qasmuh magħna żewġ persuni li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum mis-settur tal-arti, li t-tnejn kellhom reazzjoni pożittiva ferm għall-emendi mħabbra mill-Gvern, li għandhom l-għan li jsaħħu l-libertà tal-espressjoni, u jevitaw l-użu skorrett tas-sistema tal-ġustizzja kriminali biex tinħonoq din il-forma ta’ espressjoni.
Id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar tkellem ma’ ONE News dwar l-emendi, fil-kuntest li d-dinja nbidlet u l-midja soċjali qed tevolvi.
Qal, “Kien hemm naqra loopholes fiċ-ċensura artistika, f’dak li tista’ tgħid jew tiċċajta, u din il-liġi ssaħħaħ dak id-dritt lil kulħadd – lil dawk li huma artisti professjonisti imma anki dak li għandu dritt jiċċajta. Mhux qiegħda hemm biex wieħed jinsulenta bilfors, jiġifieri dik hija miżinterpretazzjoni tal-liġi. Hija hemm biex issaħħaħ il-possibilità li inti tista’ tiċċajta, tuża espressjoni artistika u satirika mingħajr ma tinftiehem li qiegħed tipprova tweġġa’ jew tipprova tagħmel il-ħsara lil xi ħadd.”
Huwa kompla jispjega kif sal-lum, jeżisti r-riskju li tinħonoq is-satira jew l-espressjoni artistika, kif ġieli ġara.
Fil-fatt, riċentament, hu u żewġ artisti oħra spiċċaw il-Qorti fuq kummenti satiriċi.
Wieħed minn dawn l-artisti huwa l-istandup comedian Daniel Xuereb, li ma’ ONE News spjega kif l-emendi mħabbra jagħtu għodda aħjar li wieħed jinvestiga x’inhu ċajt, u x’mhuwhiex.
Qal, “Bħala artist, din hija tajba ħafna, tgħinna ħafna u tipproteġina ħafna, u definitely kellna bżonnha għax jiena, Matt Bonanno u Sean Buhagiar tressaqna l-Qorti fuq xi ħaġa li kienet fl-aħħar mill-aħħar, ċajta, speċjalment fil-każ tiegħi li kont fuq il-palk f’nofs comedy show.”
Id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar kien tal-istess opinjoni.
Qal, “Naħseb li issa l-Pulizija u anki l-Qorti għandhom iktar fiex jinvestigaw jekk jgħidu, isma’, le, din kienet ċajta. Jiġifieri d-dritt li wieħed jiċċajta, li wieħed jagħmel is-satira jew li jkun liberu, ikun artist online, issa ssaħħaħ ħafna.”
Huwa kompla jgħid li issa, dawk li jridu jesprimu lilhom infushom permezz taċ-ċajt jew satira, huma ħafna iktar liberi, fl-istess waqt li qed tingħata aktar viżibilità lill-professjoni tal-artist.
Qal, “Ifhimni, mhux faċli tkun satirist, toqgħod taqbad ma’ dak, taqbad mal-ieħor, imbagħad jgħidulek kemm se ddum taqbad miegħi? Jiġifieri diġà mhux faċli, imma fl-Ewropa hemm ħafna portals ta’ dan it-tip u anki tip ta’ espressjoni artistika ta’ dak it-tip, insemmu anki magazines li għadhom isiru, jiġifieri naħseb li din il-liġi fetħet aktar biex dan ix-xogħol isir aktar ta’ spiss u forsi jsir anki aktar ta’ professjoni.”
Daniel Xuereb qalilna li minkejja li hu, bl-emendi u mingħajrhom, ma jiddejjaqx jiċċajta u jesprimi lilu nnifsu, hemm nies oħra li jżommu lura.
Qal, “Nies oħrajn jibżgħu, m’għandhomx il-karattru tiegħi, u diġà kelli ħafna kummidjanti li ġew fuqi, staqsewni isma’, diċ-ċajta nista’ nagħmilha, nista’ ngħid hekk fuq dal-persuna? Jiġifieri ċert li din l-issue kienet issue u ssolviet b’dil-liġi l-ġdida.”
L-abbozz emendat mistenni jitressaq fil-Parlament fil-futur qrib, biex l-emendi jidħlu fis-seħħ qabel jagħlaq il-Parlament għall-vaganzi tas-sajf.