Il-bidu ta’ Lulju ġab miegħu bidla fir-regoli dwar l-ilbies tal-maskri fl-Isptar Mater Dei, hekk kif dawn ma baqgħux obbligatorji f’żoni li mhumiex kliniċi fl-isptar.
Fost iż-żoni meqjusa mhux kliniċi, hemm il-kurituri, id-daħla prinċipali tal-isptar, il-canteen, iċ-ċentri edukattivi, is-swali tal-konferenzi, l-uffiċini u ż-żoni amministrattivi.
Il-maskri se jibqgħu obbligatorji fis-swali jew dipartimenti fejn il-pazjenti jirċievu l-kura, inkluż l-outpatients, it-teatri tal-operazzjonijiet u d-dipartiment tal-Medical Imaging.
Dawn ir-regoli japplikaw għall-ħaddiema tal-isptar, għall-pazjenti u għall-viżitaturi.
Dawn il-bidliet ġew ikkomunikati f’ċirkolari fuq parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Ma’ ONE News, il-Professur Charmaine Gauci fakkret kif l-ilbies obbligatorju tal-maskri kien ġie ntrodott malli faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, biex ikun immitigat it-tixrid tal-virus.
Qalet, “Peress li meta qed nagħmlu l-assessjar tagħna tas-sitwazzjoni tal-Covid qed naraw li s-sitwazzjoni dejjem qed tkun aktar stabbli, rajna li nistgħu nnaqqsu iktar mill-obbligi tal-maskri. Jekk inħarsu lejn l-Isptar Mater Dei, l-obbligu li tintuża l-maskra qiegħda fejn għandek il-kura mal-pazjent.”
Il-Professur Gauci spjegat li dawn il-bidliet fir-regoli, japplikaw ukoll għaċ-ċentri tas-saħħa kollha madwar il-pajjiż, kliniċi privati, u djar residenzjali tal-anzjani u persuni b’diżabilità.
Qalet, “Il-liġi tapplika wkoll għal postijiet oħra bħall-kliniċi mediċi, inklużi l-health centres, li dawk sa issa kienu jirrikjedu li l-maskra tintlibes kullimkien. Li għamilna issa mil-lum, il-maskra m’hemmx għalfejn tintlibes fl-uffiċini, jew l-administrative areas, hemmhekk m’hemmx għalfejn jintlibsu. Però għall-kumplament fejn tidħol fil-clinic jew health centre, l-obbligu jibqa’ hemm li tintlibes il-maskra.”
Is-sena l-oħra, l-użu obbligatorju tal-maskri tneħħa mill-maġġoranza taż-żoni pubbliċi ħlief għal xi eċċezzjonijiet, bħall-isptarijiet u d-djar residenzjali tal-anzjani.
Issa li anki dawn ir-restrizzjonijiet komplew jonqsu, il-Professur Gauci appellat biex persuni vulnerabbli, xorta jilbsu l-maskri biex jipproteġu lilhom infushom, mhux biss mill-virus tal-Covid, imma minn kwalunkwe mard infettiv ieħor.
Qalet, “L-ECDC jiġifieri l-Għaqda Ewropea dwar il-Mard Infettiv, baqgħet sal-ġurnata tal-lum tħeġġeġ li l-maskri huma importanti, nafu kemm huma efffettivi, speċjalment fejn għandek postijiet ta’ healthcare settings fejn għandek persuni iktar vulnerabbli u għalhekk aħna qed inkomplu nnaqqsu però żammejna s-sitwazzjoni fejn inti għandek il-pazjenti qed jiġu kkurati, hemmhekk l-obbligu tal-maskri jibqa’.”