Is-sajf magħna, u miegħu jġib ukoll mużika ġdida.
Huwa fatt magħruf li l-istaġun tas-sajf dejjem ikollu dik il-kanzunetta li tkun marbuta miegħu.
Xhieda ta’ dan hija d-diska “Despacito” ta’ Lusi Fonsi, Daddy Yankee u Justin Bieber, li matul l-elfejn u sbatax iddominat iċ-charts madwar id-dinja kollha.
Dwar id-diska tal-istaġun ta’ sajf tal-elfejn tlieta u għoxrin, din il-kamra tal-aħbarijiet tkellmet ma’ Louis Vella, DJ ma’ One Radio, li spjega li din is-sena x-xena mużikali hija waħda differenti.
Qal, “S’issa ma nistgħux ngħidu li hemm diska li se tiddomina. Normalment tkun diġà ħarġet din id-diska, però s’issa għad m’hemmx. Li probabbli se jiġri huwa li se jkun hemm classic minn tal-passat, kif qed jiġri ħafna mid-drabi, ikun hemm minn dawn il-producers u disk jockeys il-ġodda u jagħtiha libsa differenti, jitfagħha fil-market u tagħmillu hit”.
Eżempju ta’ dan hija d-diska li ħarġet matul din is-sena, “Baby Don’t Hurt Me” ta’ David Guetta, Anne-Marie u Coi Leray, li tieħu elementi mid-diska “What is Love” ta’ Haddaway, u li żgur se nkunu qed nisimgħu matul is-sajf.
Diska oħra li ħadet elementi minn diska antika hija d-diska “React” ta’ Switch Disco u Ella Henderson, li tieħu elementi mid-diska popolari tad-disgħinijiet “Children” ta’ Robert Miles.
Diska oħra li nħarġet matul din is-sena u li se tkun qed tindaqq f’kull diskoteka hija Miracle ta’ Calvin Harris u Ellie Goulding.
“Dance The Night” ta’ Dua Lipa, li hija waħda mill-kanzunetti li se jkunu qed jintużaw fil-film Barbie, ukoll mistennija tinżel tajjeb matul l-istaġun tas-sajf.
Mil-lenti lokali, il-kanzunetta “Pupa” ta’ Aidan ukoll jidher li niżlet tajjeb mal-Maltin u l-Għawdxin.
Ma tonqosx il-kanzunetta “Jum Ġdid” tal-grupp Għawdxi The Travellers, li wkoll mistennija tindaqq matul l-istaġun tas-sajf.
Qal, “Hawn ta’ Glen Vella, Ħarsa Biss, li se tkun attraenti għad-diskoteki Maltin. Il-mużika Maltija qed titjieb ħafna – Kurt Calleja, li wkoll għandu diska tajba u li ukoll sejra tajba fic-charts. Hawn diversi kanzunetti u nemmen li se jkun hawn għażla tal-kanzunetti Maltin”.
Il-preżentatur ta’ One Radio fakkar li, matul is-sajf, pajjiżna se jkun qiegħed jospita għadd kbir ta’ kunċerti fosthom l-Isle of MTV, Summer Daze, kif ukoll il-kunċert ta’ Robbie Williams.
B’hekk, dawk li dawn iż-żminijiet sajfin iħobbuhom, se jkollhom xalata ta’ mużika u kunċerti li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd, li se jkunu jistgħu jattendu.
Ritratt: Cafè Del Mar