Fl-2022, Malta rreġistrat 221MW f’sistemi ta’ pannelli fotovoltajiċi mqabbda man-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali, li flimkien qed jiġġeneraw elettriku għal 80,730 dar minn enerġija nadifa.
Dan qed iwassal għal tnaqqis ta’ 134,700 tunellata ta’ tniġġis tad-diossidju tal-karbonju fl-arja.
Dawn iċ-ċifri ġew ippublikati fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
Hawn intqal kif Malta, fl-2022, irreġistrat żieda ta’ 8.3% f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Madwar nofs din l-enerġija nadifa kienet iġġenerata mis-settur kummerċjali. Warajhom, b’ammonti simili, hemm is-sistemi tal-pannelli fi proprjetajiet residenzjali u pubbliċi.
Is-sena l-oħra, Malta rat ukoll l-installazzjoni ta’ solar water heaters f’525 dar. Dan ukoll qed iwassal għal tnaqqis kbir fil-konsum tal-elettriku meħtieġ biex jissaħħan l-ilma, b’appoġġ dirett mill-gvern ta’ €716,390.
Ġew installati wkoll 99 heat pumps, b’sistemi li jsaħħnu u jkessħu b’effiċjenza filwaqt li jnaqqsu d-dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija tradizzjonali. Dawn is-sistemi bbenefikaw minn €92,218 f’għajnuniet minn fondi pubbliċi.
Fl-istess sena Malta rreġistrat ukoll rekord ta’ 516 applikazzjonijiet għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ batteriji għall-ħażna tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam, Miriam Dalli, spjegat kif sal-aħħar tas-sena 2021, Malta kienet qed tipproduċi 12.15% tal-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli, li jfisser li diġà nqabżet il-mira ta’ 11.5% sal-2030, hekk kif stabbilit fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-pajjiż.
Hija nnutat kif iż-żieda kontinwa ta’ Malta fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi nodfa ta’ enerġija tikkonferma l-impenn tal-gvern li jkompli jappoġġa iżjed investimenti ħodor f’dan il-qasam biex niksbu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni mill-aktar fis.
Spjegat ukoll kif il-gvern qed iniedi diversi inizjattivi ambizzjużi sabiex ikompli jżid is-sehem tal-enerġija nadifa fit-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija elettrika tal-pajjiż.
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid kif dan ix-xahar Malta rat żewġ żviluppi ewlenin f’din id-direzzjoni.
L-ewwel waħda hija l-investiment ta’ €47 miljun għall-iżvilupp ta’ żewġ impjanti kbar tal-batteriji għall-ħażna tal-enerġija f’Delimara u fil-Marsa, u l-ftehim bejn Malta u l-Libja biex jiġi mistħarreġ il-potenzjal ta’ interkonnessjonijiet ġodda ta’ enerġija nadifa bejn iż-żewġ pajjiżi u l-kumplament tal-Ewropa.
Fl-istess waqt, Interconnect Malta qed tmexxi l-proċess ta’ ippjanar u permessi għal Interconnector 2, it-tieni cable taħt il-baħar tal-elettriku bejn Malta u l-Italja.