Fil-jiem li ġejjin, se jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-kumpless sportiv f’Kordin, li se jkun l-ewwel tat-tip tiegħu f’pajjiżna.
Dan tħabbar waqt żjara li saret dalgħodu mill-Ministru responsbabli mill-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u l-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima.
Dan il-kumpless se jsir b’investiment ta’ tmien miljuni u mitejn elf ewro (€8.2 miljun), u jikkonsisti fil-bini ta’ stadium u ground b’turf artifiċjali li se jkun jesa’ mas-650 spettatur.
Meta jitlesta, f’dan l-istadium mistenni jintlagħab logħob domestiku u internazzjonali, kemm tal-football kif ukoll tar-rugby. Il-kumpless mistenni wkoll jinkludi diversi faċilitajiet fosthom changing rooms, uffiċini, sala tal-konferenzi, ristorant, sala għall-media, u anke parkeġġ.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-investiment sportiv f’pajjiżna.
“Hawnhekk bħalissa qed jinbena stadium għar-rugby u sport ieħor li jista’ jintuża għalih, f’post li kien mitluq. Bħalissa qed jitneħħa l-iskart li huwa kontaminat u allura qed indawru post li kien mitluq f’opportunità għall-atleti u għat-tfal tagħna biex nibnu fuq is-suċċessi illi kellna ġimagħtejn ilu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima qal li dan huwa impenn ieħor infrastrutturali li minnu se jgawdu l-atleti ta’ pajjiżna.
“Bħala pajjiż se nkomplu ninvestu fl-isport, fejn għaddejja koperazzjoni teknika tal-atleti tagħna, imma f’dik li hija infrastruttura sportiva, hemm numru ta’ faċilitajiet li huma fil-proċess li jiġu inawgurati u oħrajn li x-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel fuq is-sit inkwistjoni.”
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kienet tinvolvi eżerċizzju ta’ skavar tal-art kif ukoll it-tneħħija u l-esportazzjoni ta’ tunnellati kbar ta’ skart ikkontaminat li kien hemm f’dan is-sit.
Fil-jiem li ġejjin, mistenni jibda l-bini tal-pitch u l-parkeġġ u se jiġu installati l-floodlights u l-fencing.